Internazzjonali

IT-TRAĠEDJA F’GENOVA: 440 persuna kellhom iħallu darhom; il-ħidma ta’ salvataġġ tkompli bil-lejl

15 għadhom l-isptar; 9 minnhom gravi ħafna

Filwaqt illi fl-aħħar sigħat in-numru ta’ vittmi kompla jiżdied, ma qatgħet xejn il-ħidma mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili mir-Reġjun tal-Liguria biex ikomplu bit-tiftix u salvataġġ fiz-zona fejn krolla l-pont ‘il barra minn Genova fl-Italja – traġedja li seħħet ftit qabel nofsinhar.

B’kollox huma 300 il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li qed jużaw 92 trakk biex ineħħu l-ħadid u l-ġebel li waqa’ mill-pont. Dan bit-tama li jsibu aktar persuni li forsi jkunu nqabdu taħt l-istess pont li ġġarraf.

Il-mejta sa issa qabżu t-30 ruħ, u fosthom kien hemm ukoll tifel ċkejken ta’ 10 snin.

Jirriżulta li 15-il persuna għadhom l-isptar, u minnhom hemm 9 li qedgħin f’kundizzjoni gravi ħafna.

Tfaqqa’ kontroversja kbira dwar il-Ponte Morandi

Il-Viċi Ministru tal-Infrastruttura Edoardo Rixi kien kwotat jgħid illi l-bqija tal-pont li ma krollax se jitneħħa xorta. Filwaqt li tefa’ dubji enormi dwar is-saħħa strutturali ta’ dan il-pont, li hu rotta ewlenija għall-belt ta’ Genova.

“Pont bħal dak ma jikkrollax bix-xita, jew b’xi sajjetta. Irridu nsibu min hu ħati”, qal Rixi.

Fl-istess waqt, kienu diversi l-istazzjonijiet fl-Italja illi rrappurtaw kif fl-2012 (sitt snin ilu) il-Kunsill Lokali ta’ Genova kien diġa’ avżat bis-sitwazzjoni ta’ dan il-pont. Imma bħal donnu ħadd ma ta kas.

Ftit wara l-inċident, il-Prim Ministru Conte qal li l-Gvern Taljan jinsab qrib il-familji tal-vittmi u esprima solidarjeta’ sħiħa.

Is-Sindku ta’ Genova Marco Bucci illejla ħabbar jumejn ta’ luttu fil-belt.

Ikkummenta