Internazzjonali

AĠĠORNATA: Il-mejtin fil-kroll tal-pont ta’ Genoa jaqbżu t-30

Taħt parti mill-pont li ma krollatx hemm numru ta' residenzi li ġew evakwati

Talanqas 30 persuna mietu fil-belt Taljana ta’ Genoa, wara li kkrolla l-Pont ta’ Morandi, li kien qed jifforma parti mill-autostrada u bir-riżultat li numru ta’ karozzi spiċċaw jaqgħu minn għoli ta’ 90 metru qabel iġġarrfu fl-art ta’ taħtu.

Iċ-ċifra tal-vittmi għandha titla, meta l-Ministru Taljan għat-Trasport, Danilo Toninelli, qed jistenna ‘l-iżvilupp ta’ traġedja mill-akbar’. Dan fost l-inkwiet li, tul is-sigħat li jmiss, se jinstabu ħafna aktar mejtin u midruba taħt il-fdalijiet tal-pont.

Numru ta’ filmati li ħarġu indikaw il-kollass ta’ torri li kien qed iservi bħala appoġġ għall-pont waqt maltemp. Dan meta l-pulizija qed jorbtu d-diżastru proprju mal-elementi tal-maltemp iddominati mis-sajjetti. Fil-fatt, in-nies li rakkuntaw dettalji tax-xena terribbli qalu li, dak il-ħin, raw sajjetta qed tolqot il-pont, ‘li ċeda għal isfel ftit wara, waqt li t-traffiku kien qed jinġema fuqu’.

Il-parti tal-pont li ċediet niżlet, fil-parti kbira, fuq binarji tal-ferrovija, b’numru ta’ karozzi privati u trakkijiet jaqgħu għal isfel mill-ħofra li nfetħet taħthom. Ritratt partikulari li nġibed mis-servizzi għall-emerġenzi juri wkoll trakk wieqaf fit-tarf tal-parti tal-pont li baqgħet wieqfa u millimetri ‘il bogħod minn dik il-ħofra.

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, kien fost l-ewwel distinti barranin li bagħtu messaġġ ta’ simpatija lill-poplu Taljan fejn qal li pajjiżu kien lest biex joffri l-għajnuna kollha neċessarja.

L-iskwadri għall-emerġenzi issa ilhom is-sigħat fuq is-sit tat-traġedja fejn qed fittxew in-nies li spiċċaw maqbudin taħt it-tifrik tal-pont, l-istess bħal numru ta’ karozzi u trakkijiet.

Il-Pont ta’ Morandi, li nbena fis-snin sittin, kien jinsab fit-triq tal-A10 li jipprovdi aċċess għar-Riviera Taljana u l-kosta tan-nofsinar ta’ Franza. Is-sezzjoni tal-pont li ċediet intant, kienet tkopri l-wisgħa tax-Xmara Polcevera.

Qabel il-kroll kien għaddej ix-xogħol għat-tisħiħ tal-bażi tal-pont, waqt li l-operaturi tal-autostrada qalu li l-istruttura kienet qed tkun segwita kif suppost. Intant, l-inħawi li niżel għal fuqhom il-pont huma abitati u numru ta’ bini spiċċaw iġarrbu l-ħsarat bħala konsegwenza.

Madankollu, f’nofs dan id-diżastru feġġew aħbarijiet li joffru xaqq ta’ tama. Dan hekk kif l-ħaddiema li waslu biex jagħtu l-ewwel għajnuna diġa’ salvaw 4 persuni li nħarġu ħajjin minn taħt it-tifrik. L-aħħar wieħed li ġie salvat kien raġel, skont kif konfermat mill-istazzjon RAI.

Il-Kardinal ta’ Genoa, Mons. Angelo Bagnasco, esprima s-sogħba kbira tad-djoċesi tiegħu quddiem din it-traġejda li ħalliet pajjiż sħiħ issummat.