Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Arrestat fuq suspett ta’ terrur wara inċident b’karozza barra Westminster

Il-pulizija Britannika qed iżżomm raġel biex jgħinha fl-investigazzjonijiet wara li karozza kienet involuta f’inċident barra l-bini tal-Parlament f’Westminster ( Londra). Ir-raġel inkwistjoni qed ikun suspettat dwar terroriżmu b’konnessjoni mal-każ, u wara li l-vettura, kmieni dalgħodu, baqgħet dieħla direttament għal ġo xi ċiklisti u persuni li kienu mexjin fl-inħawi, fejn indarbu talanqas tlieta.

Is-suspettat li għandu anqas minn 30 sena, mhux magħruf mas-servizzi sigrieti tal-M15 inkella mal-pulizija għal kontra t-terroriżmu. Intant, l-aħħar rapporti qalu li r-raġel, li ma kienx identifikat formalment, ‘ma deherx li kien qed jikkoopera mal-pulizija’.

Ma kienx hemm persuni oħra fil-karozza, tat-tip Ford Fiesta, involuta fl-inċident u l-pulizija li fittxew fiha ma sabu l-ebda armi. Iżda minkejja li ħadd mill-midruba ma jinsab f’periklu tal-mewt, Neil Basu, li jmexxi l-fergħa ta’ Scotland Yard għal kontra t-terroriżmu, ikkonferma li l-awtoritajiet qed jitrattaw l-inċident bħala wieħed terroristiku ‘minħabba li l-azzjoni dehret ippremeditata u mirata għal sit ikoniku fil-kapitali’.

Basu, intant, enfasizza li ‘ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ periklu ( terroriżmu) għal Londra u r-Renju Unit fuq it-tul taż-żmien’. Dan waqt li l-kumitat ‘Cobra’ għall-emerġenzi tal-Gvern Britanniku kien qed jiltaqa’ biex jiddiskuti l-inċident.

Numru ta’ nies li raw l-inċident jiżviluppa qalu li l-vettura inkwistjoni ‘dehret li kienet qed issuq direttament għal ġon-nies wara li qasmet għan-naħa opposta tat-triq’ u fejn imbagħad, baqgħet dieħla fil-barriers tas-sigurtà, fl-inħawi tal-Parlament.

Il-Parlament Britanniku, fil-preżent, mhux qed jiltaqa’, bl-istazzjon tat-tube ta’ Westminster jibqa’ magħluq għal sigħat. Dan waqt li ngħalqu l-aċċessi mit-toroq madwar Millbank, Parliament Square u Victoria Tower Gardens – bi Strutton Ground ukoll jingħalaq għall-pubbliku.

Il-media Britannika fissret ‘l-arrest f’dan il-każ ta’ terrur’ bħala żvilupp sinifikanti u meta l-pulizija kienu qed jinvestigaw l-identità u l-ħajja tal-arrestat, flimkien mal-assoċjati tiegħu.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, esprimiet solidarjetà mal-midruba fl-inċident u rringrazzjat lis-servizzi għall-emerġenza għar-reazzjoni pronta tagħhom fl-eqqel tal-paniku. Dan waqt li s-Sindku ta’ Londra, Sadiq Khan, qal li qed iżomm il-kuntatti mill-qrib mal-pulizija fejn esprima kundanna għal kull azzjoni terrorististika.