Internazzjonali

Korea ta’ Fuq: Lejn dikjarazzjoni ta’ tmiem tal-gwerra sal-ħarifa?

Rapportfil-gazzetta New York Times qed jgħid li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, jista’, sal-ħarifa, joħroġ dikjarazzjoni storika għat-tmiem formali tal-Gwerra Koreana.

Skont in-New York Times, il-Korea ta’ Fuq komunista u l-Korea t’Isfel, fil-preżent, qegħdin jaħdmu biex ikollhom dikjarazzjoni għal tmiem tal-gwerra lesta qabel l-aħħar tas-sena ‘u bħala l-aktar żmien tard’. Intant, ‘iż-żmien ideali’ għal din id-dikjarazzjoni għandu jkun il-ftuħ tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fit-18 ta’ Settembru.

John Delury, li hu professur mal-Università ta’ Yonsei, f’Seoul, qal lill-gazzetta li l-aħjar xenarju, fiċ-ċirkustanzi, ikun wieħed ‘fejn il-Mexxej tal-Korea komunista, Kim Jong-un, iżur in-Nazzjonijiet Uniti b’dikjarazzjoni tal-paċi f’idu’.

Dan meta hemm possibbiltà kbira li l-uffiċjali tan-NU jistiednu lil Kim biex jattendi l-assemblea u jagħmel diskors.

Minkejja li ħafna uffiċjali Amerikani jemmnu li, fil-fatt, għadu kmieni wisq għall-konklużjoni formali tal-Gwerra Koreana, ir-rapport itenni li Donald Trump jista’, ‘il quddiem, jaħseb biex iħalli ‘impatt storiku ieħor’ fil-qasam tal-politika barranija. Dan jista’ isir ukoll fuq l-istess livell tas-summit storiku ta’ Ġunju, f’Singapore, bejn l-istess President Amerikan u Kim Jong-un.