Lokali

L-immigranti salvati mill-MV Aquarius se jiddaħħlu Malta

L-MV Aquarius b’141 immigrant rregolari se jkun qed jiddaħħal f’Malta.

Wara diskussjonijiet bejn il-Gvern Malti u dak Franċiż, numru ta’ stati membri tal-Unjoni Ewropea bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea, qablu dwar eżerċizzju ta’ qsim ta’ responsabiltà dwar l-immigranti salvati mill-MV Aquarius.

Għalhekk Malta se tkun qed tagħmel konċessjoni u se tħalli l-Aquarius tidħol fil-port Malti mingħajr ma għandha l-ebda obbligu legali li tagħmel dan. Malta mistennija li tkun ta’ bażi loġistika u l-141 immigrant abbord se jkunu qed jitqassmu fi Franza, l-Ġermanja, l-Lussemburgu, Portugall u Spanja.

Dan qed iseħħ hekk kif ilbieraħ Patrol Boat tal-Forzi Armati ta’ Malta salvat 114-il immigrant ieħor u daħlithom Malta. Minn dawk salvati se jkunu sittin li se jkunu qed jittieħdu minn numru ta’ pajjiżi Ewropej.

Dak tal-Aquarius hu t-tieni każ  simili wara li l-MV Lifeline kienet tħalliet iddaħħal immigranti rregolari f’Malta, dakinhar kienu inġibu Malta 230 immigrant rregolari. Minn dakinhar il-Lifeline ma tħallix jerġa joħrog mill-Port Malti u bħalissa għaddejin proċeduri legali kontra l-Kaptan tal-istess vapur.