Futbol Sport

Mario Mandzukic itemm l-esperjenza mat-tim nazzjonali tal-Kroazja

L-attakkant Mario Mandzukic ħabbar li rtira mill-futbol internazzjonali wara t-Tazza tad-Dinja ta’ xahar ilu fir-Russja. Mandzukic spikka fil-mixja tat-tim nazzjonali tal-Kroazja lejn il-finali u se jtemm il-karriera internazzjonali bħala t-tieni l-aqwa skorer tal-Kroazja. Hu lagħab total ta’ 89 logħba fejn skorja 33 gowl.

Fl-età ta’ 32 sena, Mandzukic jemmen li hu l-aħjar żmien li jirtira wara sajf mill-aqwa. “Il-fidda fit-Tazza tad-Dinja tatni enerġija ġdida, imma għamlet din id-deċiżjoni diffiċli aktar faċli. Għamilna l-ħolma tagħna realtà, ksibna suċċess storiku u esperjenzajna sapport inkredibbli mingħand il-partitarji.”

“Dak ix-xahar, fosthom il-wasla lura f’Zagreb, Slavonski Brod u l-pajjiż kollu, se jibqgħu l-aktar memorji importanti tal-karriera tiegħi.” Mandzukic kompla li m’hemmx mument ideali li wieħed jirtira, iżda ħass li wasal il-mument.

L-attakkant ta’ Juventus skorja tliet darbiet fit-Tazza tad-Dinja fosthom fil-ħin barrani tas-semifinali kontra l-Ingilterra. Hu skorja fiż-żewġ lasti fil-finali mitlufa kontra Franza. L-ewwel skorja fix-xibka tiegħu stess u fit-tieni taqsima kien ħa vantaġġ minn żball ta’ Hugo Lloris.