Lokali

Rabja fost ħaddiema tal-isptar

Sitwazzjoni diskriminatorja fost il-ħaddiema

Wara li ħaddiema mpjegati fl-isptar Mater Dei ġew iddiskriminati fil-parkeġġ ġewwa l-isptar, issa reġgħu ġew iddisskriminati għat-tieni darba wara li l-ftehim li kien milħuq inbidel bla avviż iżda huma ma tħallewx jibdlu l-pożizzjoni tagħhom.

Ħaddiema tal-G4S fil-ġimgħat li għaddew kellhom diskussjonijiet sabiex tissolva l-kwestjoni tal-parkeġġ hekk kif intqalilhom li ma setgħux jibqħu jipparkjaw fil-parkeġġ tal-isptar kif kienu jagħmlu qabel.

Wara diskussjonijiet dawn il-ħaddiema ngħataw żewġ għażliet.

L-ewwel għażla kienet li l-ħaddiema jħallsu l-biljett ta’ €3.50 kuljum u jingħataw lura €2.75 għal kull ġurnata fl-aħħar tax-xahar. Dan ifisser li jkunu qed iħallsu €0.75 kuljum tal-parkeġġ.
It-tieni għażla kienet tħajjar lil ħaddiema biex jużaw it-trasport pubbliku jew roti jew muturi, u jkunu eliġibbli għal-benefiċċju ta’ €18 fix-xahar.

Il-ħaddiema ntalbu jagħmlu l-għażla tagħhom sa ftit ġranet ilu, iżda l-għada tal-egħluq tal-applikazzjonijiet, il-ħaddiema ġew mgħarrfa li dawk li kienu għażlu l-parkeġġ sussiddjat, se jkunu jistgħu jagħmlu użu tal-parkeġġ bla ħlas. Dan qanqal rabja fost il-ħaddiema li ma kienux applikaw għall-parkeġġ sussiddjat u li talbu li jitħallew anke huma jipparkjaw fil-parkeġġ b’xejn. L-awtoritajiet iżda qalulhom li issa ma jistgħux jibdlu l-għażla tagħhom u mhux se jkunu jistgħu jipparkjaw bla ħlas bħal sħabhom. B’hekk reġgħet inħolqot sitwazzjoni diskriminatorja oħra bejn ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol fl-isptar.