Lokali Turiżmu

Suġġerimenti għal min se jivvjaġġa bl-ajru fil-jiem li ġejjin

Bi ftit ħsieb tista' tagħmel l-esperjenza tiegħek iktar pjaċevoli

Hekk kif nhar il-Ħadd 19 ta’ Awissu huwa mistenni li jkun l-aktar jum bieżel għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għal din is-sena, l-awtoritatjiet tal-ajruport ħasbu li jagħtu ftit suġġeriment għal dawk il-passiġġieri li se jkun qed jiivvjaġġaw fil-jiem li ġejjin bil-għan li jitnaqqas skariġġ żejjed u ħin moħli fil-punti tas-sigurta’ tal-ajruport.

A – Aċċessorji
L-ajruport mhux l-aħjar post fejn turi l-aċċessorji tal-moda. Ġojjellerija, ċintorini u arloġġi jkollhom jitneħħew qabel ma tgħaddi mil-metal detectors.

B – Bokkli u lazzijiet
Peress li hemm ċans kbir li tintalab tinża ż-żarbun fil-punt tas-sigurta’, huwa rrakkomandat li tilbes żarbun li jitneħħa u jintlibes faċilment, mingħajr bokkli u lazzijiet.

Ċ – Ċċekkja l-basktijiet
Fil-hand luggage tista ġġorr likwidi sakemm dawn ikunu f’kontenituri ta’ mhux aktar minn 100ml u sakemm it-total tagħhom ma jaqbiżx il-litru. Likwidi għandhom jitpoġġew f’boroż trasparenti ta’ madwar 20 b’20 ċentimetru, u għandhom jinħarġu mill-hand luggage sabiex jgħaddu mill-x-ray machine. Tista ġġor flixkun vojt tal-ilma li jista jimtela mill-funtani tal-ilma li jinsabu fis-sala tat-tluq.
Mediċina likwida, kif ukoll siringi u cooling gel packs jistgħu jinġarru fil-hand luggage anke jekk jeċċedu l-100ml, sakemm dawn ikunu koperti b’dokumentazzjoni maħruġa minn persuna medika.

D – Dur il-bwiet
Muniti, ċwievet, mobajls u affarijijet oħra li jista jkollok fil-bwiet x’aktarx se jdoqqu l-alarm. Biex tevita li toqgħod tbattal il-bwiet fit-trejs tas-sigurta, żomm il-bwiet vojta kemm jista jkun, għallinqas sakemm tgħaddi mis-sigurta’.

E – Elettronika
Aġġeġġi elettroniċi bħal laptops u tablets għandhom jinħarġu mill-basktijiet u jgħaddu mill-magna tal-x-ray. Ara li dawn l-aġġeġġi jkunu ċċarġjati għax membri tas-sigurta’ jistgħu jitolbuk tixgħelhom.

Suġġerimenti oħra li ngħataw kienu li ikel li jinġarr fil-hand luggage, bħal ikel tat-trabi, ma jkunx ta’ kontenut likwidu ħafna u ma jkunx krema, pate jew ġamm. Persuni li qed jivvjaġġaw bi trabi jkunu permerssi jġorru biżżejjed ikel għat-tul tal-vjaġġ.

Persuni li jkunu qed iġorru rigali fil-hand luggage jistgħu jintalbu biex jiftħu r-rigali u għalhekk huwa aħjar jekk dawn ma jkunux imgeżwrin. Oġġetti bħal pistoli tal-logħob jistgħu jiġu kkkonfiskati.

U fl-aħħar, jekk qed tinkwieta fuq xagħrek, tista serraħ rasek, għax fil-hand luggage tista ġġorr kemm il-hair dryer kif ukoll l-istraightener.

Nhar il-Ħadd huwa mistenni li mill-ajruport ta’ Malta se jgħaddu mat-28,000 passiġġier b’madwar 180 tlugħ u nżul ta’ ajruplani.