Internazzjonali

AĠĠORNATA: S’issa konfermati 39 vittma; fosthom 3 itfal

Il-ħidma ta' tiftix ilha għaddejja kważi 24 siegħa

Santa Marija f’luttu għall-poplu ta’ Genova wara d-diżastru tal-bieraħ li ħalla diversi vittmi, fosthom tliet itfal li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 8 u 13-il sena. Sa issa kienet għalxejn it-tfittxija li saret tul il-lejl għal 4 persuni li għadhom rappurtati nieqsa qalb it-tifrik, filwaqt li fl-isptarijiet għad hemm numru ta’ persuni fil-periklu tal-mewt.

Intant, bdew ħerġin l-ismijiet u l-istejjer ta’ uħud mill-vittmi.

Fost dawk li mietu hemm il-koppja Roberto Robbiano u Ersilia Piccinino (ritratt). Magħhom kellhom lil binhom Samuel, li kien għadu se jagħlaq 8 snin.

Il-media Taljana qed tirrapporta li huma kienu sejrin għand in-nanniet fil-ħin tal-inċident – rotta qasira li min jaf kemm-il darba għaddew minnha. Malli semgħu l-aħbarijiet, il-qraba tagħhom provaw iċemplu lill-koppja. Iżda kien kollu għalxejn. Il-mobile baqa’ mitfi, u ftit wara intfiet ukoll kull tama li kellhom illi forsi ma kienux fost dawk li tilfu ħajjithom.

Mhux ta’ b’xejn li l-Prim Ministru Taljan iddeskriva din it-traġedja kbira bħala “ferita għall-poplu Taljan”.