Wirja ta’ karattru u reazzjoni fit-tieni taqsima, tat it-tielet suċċess lil Atletico Madrid f’din il-kompetizzjoni b’rebħa ta’ 4-2 fuq iċ-champions Ewropej Real Madrid. Din kienet l-ewwel darba mill-2012 li r-rebbieħ tal-Europa League għeleb lil dak taċ-Champions meta dakinhar kienu wkoll Atletico Madrid li kienu għelbu lil Chelsea 4-1.
Din kienet l-ewwel logħba uffiċjali għal Real Madrid mingħajr Cristiano Ronaldo u l-kowċ Zinedine Zidane, bil-pressjoni se tkun fuq il-kowċ Julen Lopetegui u d-diriġenza ta’ Real Madrid biex isaħħu l-iskwadra matul dan ix-xahar bl-akkwist ta’ plejer ta’ kwalità li jgħolli l-livell tat-tim.
Wara din it-telfa, wieħed irid jara x’se jkun il-futur ta’ Luka Modric li fl-aħħar jiem kien qed jattira l-interess ta’ Inter. Iżda s-suq tat-trasferimenti fl-Italja jagħlaq għada u għalhekk jidher li hu diffiċli li jimmaterjalizza dan it-trasferiment.
Bla dubju fil-partita spikka l-attakkant Diego Costa li minbarra d-doppjetta, kien ta’ xewka kontinwa għad-difiża avversarja. Din kienet il-220 logħba bejn dawn iż-żewġ timijiet, b’Atletico jibqgħu mhux megħluba f’din il-kompetizzjoni.
Atletico Madrid fetħu l-iskor wara biss minuta meta minn ballun fit-tul, DIEGO COSTA antiċipa lil Sergio Ramos bir-ras u bil-ġirja daħal fil-kaxxa u qabeż lil Raphael Varane biex minn pożizzjoni angolata ferm spara wara Keylor Navas.
Ir-reazzjoni ta’ Real Madrid waslet fit-18-il minuta bi kross mix-xellug ta’ Marcelo, b’Marco Asensio jkun pront u b’istint prova bit-takkuna iżda Oblak kien reattiv u salva tajjeb. Iċ-champions Ewropej ġabu d-draw fis-27 minuta b’ħarba tajba mil-lemin ta’ Gareth Bale li krossja fuq it-tieni lasta u sab lil KARIM BENZEMA fil-kaxxa, bl-attakkant Franċiż jiżmarka u b’daqqa ta’ ras għeleb lil Oblak.
Żewġ minuti wara, Marco Asensio mar qrib il-gowl tal-vantaġġ b’azzjoni fuq ix-xellug fejn daħal fil-kaxxa, ġibed il-ballun fuq il-lemin u xxuttja iżda t-tentattiv tiegħu għadda ċentimetri barra.
Real Madrid marru fil-vantaġġ fit-63 minuta meta r-referee Szymon Marciniak ordna penalty wara li Juanfran mess il-ballun b’idu fil-kaxxa minn korner. Mill-penalty inkariga ruħu l-captain SERGIO RAMOS li qata’ lil Oblak u skorja b’xutt fil-baxx.
Atletico Madrid baqgħu fil-logħba u fit-78 minuta ġabu d-draw meta kienet il-persistenza ta’ Juanfran mal-lemin li wasslet biex qassam lis-sostitut Correa li b’intelliġenza krossja għan-nofs b’DIEGO COSTA jkun pront u jispara fis-saqaf tax-xibka.
Il-partita kompliet fil-ħin barrani u kien fid-99 minuta li Atletico Madrid marru fil-vantaġġ għat-tieni darba. Kien żball ta’ Raphael Varane fid-difiża, Diego Costa qassam lil Thomas Partey li krossja mix-xellug lejn SAUL NIGUEZ li minn pożizzjoni ċentrali għeleb lil Navas b’xutt mill-ewwel mil-linja tal-kaxxa l-kbira.
Atletico Madrid għalqu l-logħba fil-105 minuta bir-raba’ gowl. Reġa’ kien Diego Costa li rebaħ dwell fl-attakk u qassam lura lejn Vitolo li b’mod brillanti fetaħ mill-ewwel għan-nofs lejn KOKE li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Navas.
//= $special ?>