Lokali

FILMAT: 141 immigrant ieħor abbord l-MV Aquarius jiddaħħlu Malta

141 immigrant, 97 raġel u 44 mara, abbord l-MV Aquarius l-Erbgħa waranofsinhar waslu u tniżżlu Malta fil-Boilers Wharf tal-Isla.

Minkejja li pajjiżna ma kellux l-obbligu legali li jilqa’ lil dawn l-immigranti, it-Tlieta l-Gvern Malti offra biex dawn jitniżżlu f’Malta, bl-MV Aquarius jinforma lill-awtoritajiet Maltin li kien se jaċċetta li jidħol f’pajjiżna.
Il-Forzi Armati ta’ Malta immedjatament bdew bit-tħejjijiet kontinwi tagħhom biex jassistu fl-iżbark tal-immigrant.

Huma kienu assistiti mill-awtoritajiet tas-saħħa, il-Pulizija mis-sezzjoni tal-Immigrazzjoni, kif ukoll uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili, mill-Aġenzija għall-Persuni li jfittxu l-Ażil, Transport Malta u l-awtoritajiet tal-port.
Il-proċess kollu tal-iżbark seħħ taħt is-supervizzjoni tal-Uffiċjali tal-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti tar-refuġjati.

Mal-iżbark bdew jitniżżlu l-ewwel il-morda, segwiti min-nisa u t-tfal u wara l-kumplament. Minn dawn 12 kellhom bżonn kura medika, fosthom żewġ nisa tqal u ħames tfal taħt il-ħames snin li ttieħdu lejn l-isptar Mater Dei.

Il-kumplament ittieħdu f’ċentru li twaqqaf apposta fil-Marsa, li qed tieħu ħsiebu l-Aġenzija tal-Ħarsien ta’ Persuni li jfittxu l-Ażil.

L-immigranti qed jgħidu li huma mill-Bangladesh, il-Kamerun, il-Ghana u l-Kosta tal-Ivorju, in-Niġerja, is-Senegal, it-Togo, l-Eġittu, l-Eritreja, il-Marokk u s-Somalja. Issa jrid jibda proċess biex dan ikun verifikati.

Fost in-nies preżenti fuq is-sur tal-Isla, waqt id-daħla tal-bastiment, kien hemm numru ta’ nies mill-Moviment Patrijotti Maltin fejn il-messaġġ ewlieni tagħhom kien biex jieqaf it-traffikar tal-persuni.

Mas-swar mill-ġdid waħlu l-banner “No to human traficking”. Intant min-naħa l-oħra kien hemm dellirju ta’ ferħ minn numru ta’ uffiċjali minn Sea Rescue, li l-bastimenti tagħhom jinsabu maqbuda hawn Malta, u li l-messaġġ ewlieni tagħhom kien ta’ li “Kulħadd għandu dritt li jgħix”.

L-immigranti mistennija jitqassmu bejn l-Italja, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Portugall u Spanja wara li Malta aċċettat li sservi bħala bażi ta’ loġistika f’din il-ħidma.

Fost dawk salvati hemm diversi minuri, fosthom 38 li għandhom inqas minn 15-il sena u mhux akkumpanjati mill-ġenituri. Uħud minnhom iddikjaraw li kienu vittmi ta’ estorsjoni, b’żagħżugħ minnhom jirrakkonta kif ilu maqbud fil-Libja għal tliet snin u tkarrab ma’ dawk li ħatfuh biex ma joqtluhx.

Dan l-aħħar salvataġġ seħħ ftit sigħat wara li it-Tnejn Patrol Boat tal-Forzi Armati ta’ Malta salvat 114-il immigrant ieħor u daħlithom Malta. Minn dawk salvati se jkunu sittin li se jkunu qed jittieħdu minn numru ta’ pajjiżi Ewropej.

L-aħħar każ ta’ salvataġġ mill-MV Aquarius wassal biex il-bastiment tneħħa minn fuq ir-reġistru marittimu ta’ Ġibiltà hekk kif ġew injorati l-ordnijiet biex il-ħidmiet ta’ salvataġġ minnu jkunu sospiżi u l-bastiment jagħmel biss xogħol ta’ sorveljanza.

Fl-aħħar jiem Medicins Sans Frontieres, l-għaqda mhux governattiva li toperah, iddikjarat li jekk il-bastiment jitneħħa mir-reġistru ta’ Ġibiltà din ma tkunx għajr mossa politika.

Dan hekk kif l-istess għaqda ddikjarat li l-bastiment jissodisfa kull talba regolatorja imposta fuqu.
Il-każ ta’ dawn il-jiem tal-Aquarius hu t-tieni każ simili wara li l-MV Lifeline kienet tħalliet iddaħħal immigranti rregolari f’Malta, dakinhar kienu inġibu Malta 230 immigrant rregolari.

Minn dakinhar il-Lifeline ma tħalliex jerġa joħrog mill-Port Malti u bħalissa għaddejin proċeduri legali kontra l-Kaptan tal-istess vapur.

Fuq is-sur tal-Isla, Net News tkellem ukoll ma’ numru ta’ uffiċjali tas-Sea Rescue li stqarrew li bħalissa f’pajjiżna għandhom tliet vapuri li ma jistgħux isalpaw.

Huma qalulna li jinsabu maqbudin ġo pajjiżna u li dawn ma jistgħux iwettqu xogħlhom fl-ibħra tal-Mediterran.

Kelliema għal Sea Rescue qalulna li bħalissa qegħdin f’diskussjonijiet mal-avukati tagħhom biex jaraw x’se jkun il-pass li jmiss.

Ritratti ta’ Matthew Tabone