Kienet ġurnata mimlija botti u risposti dik tal-Erbgħa – jum ta’ vaganza anke fl-Italja, li iżda kienet immarkata b’luttu kbir u fl-istess ħin rabja għall-avvenimenti li seħħew f’Genova din il-ġimgħa.
Il-botta u risposta kienet bejn il-Gvern u l-kumpanija li tmexxi t-toroq ewlenin tal-penisola; Autostrade per l’Italia.
Il-Gvern determinat li jirtira l-konċessjoni li kienet ingħatat din il-kumpanija biex tmexxi l-motorways fl-Italja. Dan kien konfermat mill-Prim Ministru Conte wara sensiela ta’ laqgħat nhar Santa Marija.
Minn naħa l-oħra, Autostrade per l’Italia qed tgħid illi kommessa terġa’ tibni l-Ponte Morandi fi żmien ħames xhur. “Se nurukom kif min-naħa tagħna dejjem imxejna sew”, qalet il-kumpanija fi tweġiba lill-Gvern Taljan.
Intant, sar magħruf illi Genova se tinżamm fi stat ta’ emerġenza għal 12-il xahar.
Il-Gvern ta’ Conte diġa’ alloka 5 miljun ewro għall-ewwel interventi li jridu jsiru immedjatament.
Sal-Erbgħa bil-lejl in-numru ta’ vittmi f’din it-traġedja kien jammonta għal 39. Il-funerali ta’ dawn il-vittmi se jsiru s-Sibt li ġej f’Genova stess, f’quddiesa li se titmexxa mill-Kardinal Angelo Bagnasco.
//= $special ?>