Internazzjonali

Investigazzjoni dwar terroriżmu fl-inċident ta’ Londra

Kien identifikat bħala Salih Khater ta’ 29 sena, imwieled is-Sudan imma b’ċittainanza Ing-liża l-individwu li t-Tlieta saq karozza għal fuq in-nies f’Parliament Square f’Londra.

Irriżulta li hu dam sitt sigħat idur madwar Londra f’Ford Fiesta li xtara xahrejn ilu. Karozza li mhux suppost kienet fit-triq għaliex ma għaddietx mill-eżami tal-VRT.

Filwaqt li l-Pulizija qed tqis dak li ġara quddiem il-Parlament Ingliż bħala attakk terroristiku, l-indikazzjonijiet sa issa huma li Khater aġixxa waħdu. Khater, li kien jgħix Birmingham, saq il-karozza għal fuq in-nies li kienu fuq il-bankina u laqat tal-anqas 15-il persuna.Imma ħadd ma nqatel; hemm biss mara li kienet fuq ir-rota li tinsab f’kundizzjoni serja l-isptar.

Il-karozza ta’ Khater waqfet wara li daħlet f’waħda mill-barrikati li tpoġġew minħabba l-attakk li kien hemm is-sena li għaddiet u li fih kienu nqatlu ħames persuni. Dawn il-barrikati huma mibnija biex iwaqqfu attakk simili minn trakk.

Meta Khater kien arrestat hu kien kalm u ma offra ebda reżistenza. Il-Pulizija ma sabu ebda splussiv jew armi fuqu. Is-sorsi qalu li s’issa hu ma lissinx kelma waħda waqt l-interrogazzjoni.