Formula 1 Sport

Michael Schumacher se jkun trasferit lejn Maiorca

Michael Schumacher se jkun trasferit lejn Mairoca, f’dar lussuża li l-mara tiegħu Corinne xtrat f’Andratx madwar 20 minuta bogħod minn Palma de Maiorca għas-somma ta’ €30 miljun. F’din il-proprjetà, fil-passat kien jgħix il-President attwali ta’ Real Madrid Florentino Perez.

Is-sindku ta’ Maiorca Katia Rouarch ikkonfermat l-aħbar żvelata mir-rivista Żvizzera ‘L’Illustre’ fejn qalet li kollox hu lest biex jilqgħuh, bi pjan lest biex iħarsu s-sigurtà tiegħu, iżda ma qalitx meta Schumacher se jkun qed jasal. Il-familja tal-Ġermaniż ma riditx tikkumenta fuq l-aħbar.

Il-villa hi kbira 3,000 metru kwadru bi ġnien, żewġ pixxini u spazju kbir għalihom u l-mistednin kif ukoll hemm fejn jinżel helicopter. Il-belt hi ċirkondata minn bini għoli li jagħmila ftit aċċessibbli.

Fil-passat, Michael Schumacher kien iqatta’ l-vaganzi f’din il-gżira filwaqt li ħuh Ralf kien jagħmel ħafna mis-sena f’Andratx. Mill-2002, il-familja ta’ Schumacher kienet tgħix fi Gland fl-Iżvizzera, fejn fl-aħħar snin il-Ġermaniż irċieva trattament kontinwu.

Il-kundizzjoni tas-seba’ darbiet champion tal-Formula 1 tinsab ħażina wara inċident li kellu fl-Alpi ta’ Meribel fi Franza, li wassal biex spiċċa f’kundizzjoni kritika. Minkejja li teżisti sigurtà stretta dwar il-kundizzjoni tiegħu, minn xi aħbarijiet li ħarġu jidher li Schumacher jinsab fi stat gravi tant li qatt ma għamel dehra pubblika minn dakinhar.