Lokali

Olandiż jitlef ħajtu f’inċident bil-jet ski f’San Ġiljan

Jidher li ż-żagħżugħ ieħor Olandiż laqat lill-vittma bil-jet ski

Żagħżugħ Olandiż miet f’inċident bil-jet ski fil-Bajja ta’ San Ġorg, f’San Ġiljan.

L-inċident fatali seħħ għall- ħabta tat-3.30 ta’ waranofsinhar, meta għal xi raġuni l-vittma Olandiż li għandu 19-il sena u hu resident tas-Sliema, safa’ milqut minn jet ski. Il-Pulizija kkonfermaw li l-jet ski kien misjuq minn żagħżugħ ieħor Olandiż li wkoll għandu 19-il sena u hu residenti Tas-Sliema.

Jidher li ż-żagħżugħ ittella’ mill-baħar mal-ewwel, fejn ingħata l-ewwel għajnuna min-nies preżenti fuq il-bajja ta’ San Ġorġ, iżda l-isforzi tagħhom sabiex jippruvaw isalvaw il-ħajja tal-Olandiż kienu għalxejn, hekk kif hu ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Skont informazzjoni li waslet għand NET News, il-Pulizija qed tinterroga żewġ żagħżagħ Olandiżi b’rabta mal-każ.

Il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella ordnat li ssir inkjesta, u ħatret numru ta’ esperti sabiex jassistuha.