Unit tal-arja kundizzjonata mal-faċċata ta’ binja abbandunata fi Triq Troubridge, fil-Marsa, jista’ jaqa’ minn ħin għall-ieħor fuq il-karozzi li jipparkjaw taħtu jew xi ħadd mill-għexieren ta’ persuni li jimxu minn taħtu u mhux konxji tal-periklu.
Iżda minkejja dan il-periklu imminenti, hekk kif dan jinsab imwaħħal biss b’pajp, u jserraħ fuq ħadid li ssaddad, l-awtoritajiet kollha kkuntattjati minn għaqda mhux governattiva farfru r-responsabbiltà.
Filfatt, f’korrispondenza li waslet għand dan is-sit, membru tal-istess għaqda mhux governattiva jitlob lill-OHSA, responsabbli mis-Saħħa u s-Sigurtà, biex tittieħed azzjoni.
Iżda r-risposta kienet li din il-materja għandha tgħaddi b’rapport għand il-Pulizija.
Fi tmiem din il-ġimgħa, biswit din il-binja mistennija għexieren ta’ persuni għal attività li se tkun organizzata, iżda b’awtorità wara l-oħra li tiddikjara li mhux kompitu tagħha, jidher li s-sitwazzjoni mhux se tilħaq tissolva.
U jekk isseħħ xi traġedja, min se jerfa’ r-responsabbiltà?