Futbol Sport

Victor Moses itemm l-avventura mat-tim nazzjonali tan-Niġerja

Victor Moses ħabbar li rtira mill-futbol internazzjonali biex jiffoka fuq il-karriera tal-klabb ma’ Chelsea. Il-plejer li għad għandu 27 sena se jħalli lit-tim nazzjonali Niġerjan wara li lagħab 37 logħba.

Fis-sitt snin li għamel jilgħab man-Niġerja, Moses skorjaw 12-il gowl għall-pajjiż fis-sitt snin li għamel jilgħab, u kien parti mit-tim li rebaħ it-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani tal-2013 fl-Afrika ta’ Isfel. Hu lagħab ukoll kull minuta fl-aħħar Tazza tad-Dinja fir-Russja, bin-Niġerja tkun eliminata fil-fażi tal-gruppi.

“Irrid inħabbar li wara ħafna ħsieb ħadt id-deċiżjoni li nirtira mill-futbol internazzjonali. Esperjenzajt ftit mill-isbaħ mumenti f’ħajti bil-flokk tas-Super Eagles u għandi memorji li se jibqgħu matul ħajti kollha.” Hu qal li xejn ma jikkompeti ma dak li ħass meta rrappreżenta lin-Niġerja, iżda ħass li hu l-aħjar żmien biex jieqaf u jiffoka aktar fuq il-klabb u l-familja tiegħu, kif ukoll biex iħalli l-ġenerazzjoni tas-Super Eagles biex jiżviluppaw.

Moses żied li tkellem mal-kowċ nazzjonali u rringrazzjah lilu l-istaff tekniku, il-federazzjoni Niġerjana u sħabu tas-sapport matul is-snin. “L-aktar importanti rrid nirringrazzja lill-poplu Niġerjan talli emmen fiha u tani s-sapport matul is-snin,” temm Moses.