Futbol Sport

Wilfried Zaha jġedded il-kuntratt ma’ Crystal Palace

Wilfried Zaha ġedded il-kuntratt ma’ Crystal Palace sal-2023. Zaha tela’ mill-akkademja ta’ Palace u rebaħ il-Plejer tas-Sena tal-klabb f’dawn l-aħħar tliet staġuni.

Il-plejer ta’ 25 sena li skorja fir-rebħa ta’ 2-0 ta’ Crystal Palace fuq Fulham is-Sibt li għadda, kien qed jissemma li jista’ jħalli Selhurst Park dan is-sajf, iżda jinsab kuntent li se jibqa’ mal-klabb ta’ tfulitu.

“Ovvjament ridt li nagħlaq il-ftehim biex niffoka fuq l-istaġun. Kuntent ħafna li rnexxielna nagħlqu kollox.” Zaha li lagħab tmien logħbiet mat-tim nazzjonali tal-Kosta tal-Ivorju, skorja disa’ gowls f’29 logħba fil-Premier League l-istaġun li għadda.

Hu jinsab fit-tieni esperjenza ma’ Palace meta reġa’ ffirma fi Frar 2015 wara esperjenza diffiċli ma’ Manchester United fejn lagħab biss darbtejn taħt David Moyes.

Iċ-chairman ta’ Crystal Palace Steve Parish hu kuntent li se jibqa’ f’Selhurst Park fil-futur. “Wilfried kiber ftit bogħod minn Selhurst Park mill-età ta’ erba’ snin. Dan il-ftehim hu eżempju ieħor ta’ impenn fit-tul lejn il-klabb u l-impenn tagħna lejh. Din hi ġurnata mill-isbaħ għal kulħadd fil-klabb, il-partitarji u ovvjament Wilf li kiseb meritatament.”

Borussia Dortmund kienu fost il-klabbs interessati li jiffirmaw lil Zaha dan is-sajf, iżda Zaha insista l-ġimgħa l-oħra li hu ffukat fuq Crystal Palace u Parish qal li din hi eżattament l-attitudni li wera fil-pre-season. F’dan is-sajf, Cheikhou Kouyate, Max Meyer, Jordan Ayew u Vicente Guaita.

Il-gowl ta’ Zaha kontra Fulham kien it-23 wieħed fil-Premier League ma’ Crystal Palace u laħaq ir-rekord tal-klabb ta’ Chris Armstrong li kien ilu 23 sena.

Crystal Palace jilagħbu kontra Liverpool it-Tnejn li ġej, b’Zaha jittama li jiċċelebra l-ftehim il-ġdid billi jsir l-aqwa skorer tal-klabb fil-Premier League. “Hu sabiħ li tara li rnexxieli nilħaq dak il-livell u nikser ir-rekord it-Tnejn li ġej. Hu sabiħ li tara l-impenn li għamilt qed iħalli l-frott,” qal Zaha.