Wara li l-Pulizija sabet 118-il immigrant jgħixu f’razzett tal-baqar – u li minn fuqhom sid ir-razzett kien qed jagħmel dħul ta’ aktar minn €10,000 fix-xahar – il-Pulizija kompliet tinvestiga l-każ. Iżda mistoqsija li qajmu numru kbir ta’ nies kienet fejn marru jgħixu dawn il-persuni wara li telqu mir-razzett?
NET News ghamel kuntatt ma’ wħud minn dawn l-immigranti li qalu li kienu komdi bil-post fejn kienu qegħdin jgħixu, u li l-kundizzjonijiet ma kienux mill-agħar kif gie rrappurtat – dikjarazzjoni li tikkuntrasta ma’ dak li qal uffiċjal tal-Awtorità tal-Ippjanar dakinhar li sehh l-infurzar.
F’artiklu, sar maghruf li The Times of Malta wkoll għamlet kuntatt ma’ xi persuni li kienu qegħdin jgħixu f’dan ir-razzett, fejn dawn żiedu li l-persuna li kien qed jieħu ħsieb ir-razzett ma kienx bniedem ħażin – għaliex għalihom kienet kirja normali, u kienu komdi jgħixu fl-istallel tal-baqar.
Ma’ The Times, huma saħqu li l-problema ma kienx sid ir-razzett, iżda s-sistema – hekk kif issa dawn spiċċaw bla saqaf fuq rashom.
Minkejja li dan ir-raid sar nhar it-Tnejn li għadda, rapporti fil-media dwar dan ir-razzett li fih kienu qegħdin jgħixu l-immigranti ġew ippubblikati aktar minn ħames xhur ilu. Kienet il-gazzetta It-Torċa l-ewwel li ppubblikat rapport li fih issemma’ kif razzett abbandunat kien inbidel f’residenza għall-immigranti Afrikani li ma kienux jifilħu jikru postijiet aktar dinjitużi. Skont l-informazzjoni żvelata, jingħadd li dawn l-immigranti ġew Malta mill-Italja, u jisħqu li kellhom d-dritt li jiġu f’pajjiżna minħabba l-permess mogħti mill-awtoritajiet Taljani – dak li bih setgħu jibqgħu Malta għal perjodu ta’ tliet xhur.
Filmati meħuda dakinhar tar-raid tal-Pulizija fir-razzett:
Sorsi li tkellmu ma’ NET News qalu li legalment, dawn il-persuni se jkollhom jitilqu minn Malta appena jispiċċa it-terminu ta’ tliet xhur – kif inhu stabbilit miż-żona Schengen. Jidher ukoll li minħabba li dawn il-persuni ġew b’mod legali f’pajjiżna – l-Istat ma kienx obbligat li joffri akkomodazzjoni alternattiva, pero xorta waħda dawn l-immigranti ma jistgħux jaħdmu f’Malta.
Sorsi fil-media qed jirrappurtaw li bħalissa l-Pulizija qed tinvestiga dan il-każ, u għal dan il-għan qed jiġi interrogat raġel Malti li kien fuq il-post meta seħħ ir-raid tal-Pulizija – dan sabiex isir magħruf x’inhi r-rabta tiegħu ma’ dan ir-razzett li fih kienu qegħdin jgħixu dawn il-118-il persuna f’kundizzjonijiet xejn dinjitużi.
Minn naħa l-oħra il-ġurnal The Times of Malta qed tirrapporta li hemm possibilità li ma jitressaq ħadd il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ tar-razzett tal-baqar li intuża għall-skopijiet illegali. Dan il-każ tar-razzett tal-baqar ma kienx wieħed iżolat dwar is-sitwazzjoni li qegħdin jispiċċaw fiha numru ta’ persuni – anzi numru ta’ artikli ppubblikati minn NET News jixhdu ritratti ta’ nies jorqdu barra fit-toroq.
Issa, każ ġdid li ġie żvelat hu b’rabta ma’ persuni li qegħdin jgħixu f’kundizzjonijiet mill-agħar fil-bini abbandunat tal-White Rocks, f’Baħar iċ-Ċagħaq, u li qed jintuża minn numru ta’ nies bħala kenn għal matul il-lejl, hekk kif dawn m’għandhomx saqaf fuq rashom.
Aritkli relatati:
//= $special ?>FILMAT: Madwar 120 immigrant inqabdu jgħixu f’razzett tal-baqar