Ekonomija Lokali

Anke l-Bank Ċentrali ta’ Malta jikkonferma ż-żieda fl-għoli tal-ħajja

Konferma tat-tħassib li għandu bħalissa l-poplu Malti u Għawdxi meta qed iħoss li l-ħajja qed togħla minn jum għall-ieħor. Dan hekk kif issa, anke l-Bank Ċentrali ta’ Malta kkonferma li l-ħajja qed tkompli togħla.

Fil-fatt, fi stqarrija dwar l-aġġornament ekonomiku tal-pajjiż, il-Bank Ċentrali kkonferma li f’Ġunju, l-Indiċi tal-Għoli tal-Ħajja ġie kkalkulat li żdied għal 2%.

Din il-konferma hi aktar tat-tħassib meta wieħed iqis li l-kalkolu sar f’Ġunju li għadda, jiġifieri sew qabel ma l-Gvern ħabbar żidiet fil-prezzijiet tal-fuels, tal-ħobż u anke ta’ prodotti oħrajn li jinxtraw ta’ kuljum, fosthom anke l-pastizzi.

Fil-fatt, fl-aħħar ta’ Lulju, il-Gvern ħabbar li mill-1 ta’ Awwissu l-prezzijiet tal-fuels kienu se jiżdiedu b’5ċ. Din iż-żieda ma kinitx mistennija meta l-Gvern kien qal li dawn il-prezzijiet se jinżammu stabbli.

Barra minhekk, fl-istess jiem, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Produtturi taż-Żejt (OPEC) u l-Istati Uniti kienu ħabbru li li mhux se jkun hemm żidiet fil-prezzijiet tal-fuels għal din is-sena u għas-sena d-dieħla.

Din iż-żieda tkompli ma’ żidiet oħrajn fil-prezzijiet, li juru kemm il-Gvern mhux iżomm mal-wegħdiet li għamel, fost l-oħrajn li jkun Gvern li jisma’ l-karbiet tan-nies. L-istess mod kif il-Gvern għadu ma għamel xejn għall-karba ta’ ħafna dwar l-għoli fil-prezzijiet tal-kiri.

Sadanittant, fil-ġimgħat li għaddew, il-poplu ħa qatgħa oħra meta sar magħruf li l-prezz tal-ħobża Maltija se jiżdied drastikament. Fil-fatt, sa mill-aħħar ġimgħat, prodott bażiku bħall-ħobża Maltija issa ġie jiswa aktar minn €1. Dan minbarra t-tħassib ukoll tal-furnara minħabba l-piżijiet ġodda li kellhom jibdew iġorru minħabba żidiet fil-prezz tad-dqiq.

U fil-jiem li għaddew, sar magħruf ukoll li anke l-pastizzi ntlaqtu minn żieda fil-prezzijiet. Dan hekk kif, mingħajr ħafna daqq ta’ trombi, wieħed seta’ jinnota żieda drastika ta’ 10ċ fuq kull pastizz. Din fissret żieda ta’ madwar 30% fil-prezz.

Għalkemm kien hemm min ikkummenta li din iż-żieda setgħet kienet għal raġunijiet ta’ saħħa u biex wieħed jevita milli jiekol ikel li mhux san, ħafna kkummentaw fuq il-fatt li din hi ikla bażika ta’ eluf ta’ persuni u magħrufa wkoll fost ħafna turisti li jżuru pajjiżna.

Iċ-ċifri ppubblikati mill-Bank Ċentrali ta’ Malta huma konferma taċ-ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li kienu wrew kif f’Mejju li għadda, l-Indiċi għall-Għoli tal-Ħajja kien ikkalkulat li kien 1.7%.

Dan kollu qed ikompli jżid mal-problemi ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin, li qed isibu diffikultà biex ilaħħqu mal-ispejjeż li qed jiżdiedu ta’ kuljum. U dan kien ikkonfermat fl-istqarrija tal-Bank Ċentrali ta’ Malta stess, meta kien innutat tnaqqis fid-depożiti tar-residenti Maltin u Għawdxin fil-banek lokali.