Brussell se jkun qed jissikka lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta u Ċipru, li qed joffru ċ-ċittadinanza lil persuni barra mill-Unjoni, hekk kif qed jikber it-tħassib dwar ‘flus maħmuġin’ mir-Russja.
Dan qalitu Vera Jourova, Kummissarju tal-Ġustizzja għall-Unjoni Ewropea lill-ġurnal Ingliż Financial Times.
Hi qalet li skemi ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza fi tmien membri stati se jkunu qed jgħaddu minn skrutinju qawwi bħala parti minn sforzi kontra ħasil ta’ flus u korruzzjoni.
Jourova stqarret li f’każ ta’ dubju dwar minn fejn ġej il-ġid tal-applikant, iċ-ċittadinanza għandha tkun miċħuda.
Il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE kompliet tgħid li għalkemm il-Kummissjoni m’għandiex is-saħħa li twaqaf dawn l-iskemi, fl-istess waqt għandha l-obbligu li titlob mill-membri stati attenzjoni u għaqal fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet. “Dawn l-istati qed jagħtu ċittadinanza għall-Ewropa kollha”, qalet Jourova.
Jourova wriet it-tħassib tagħha dwar minn fejn ikun ġej il-ġid ta’ xi applikanti għal ċittadinanza Maltija. Hi qalet li wieħed ma jistax ma jitħassibx meta ċittadin Russu li jkun ħadem ħajtu kollha f’livell maniġerjali medju jew għoli, f’daqqa waħda għandu biżżejjed flus biex jakkwista ċittadinanza Maltija.
Dan meta wieħed iqis li applikanti għal passaport Malti jrid jagħmel kontribut ta’ €650,000 u jrid ukoll jixtri jew jikri propjetà u jagħmel jħallas €150,000 f’ishma u bonds. L-applikant jista’ jakkwista ċittadinanza għall-membri oħra tal-familja għal prezz ta bejn €25,000 u €50,000 ‘il wieħed.
Il-Kummissarju għall-Ġustizzja qalet li l-membri stati tal-UE jistgħu jistabbilixxu l-kriterji tagħhom għall-eliġibilita’ ta’ din l-iskema. Madankollu l-Kummissjoni se tippubblika rapport fil-ħarifa li hu mistenni jikkundanna lill-gvernijijet li naqsu milli jagħmlu eżerċizzju estensiv biżżejjed ta’ due diligence dwar l-applikanti ta’ din l-iskema u l-ġid tagħhom.
Dan ir-rapport jagħmel parti mix-xogħol li qed isir mill-Kummissjoni flimkien mall-Bank Ċentrali Ewropew u l-Awtorita’ Bankarja Ewropea kontra l-ħasil tal-flus, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-ħidma kontra flus maħmuġin.
F’Marzu li għadda, rapport ta’ Transparency International sab li skemi ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza poġġew ‘riskju serju ta’ korruzzjoni’ fuq il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>