McLaren ikkonfermaw l-akkwist ta’ Carlos Sainz għall-istaġun li ġej, bl-Ispanjol se jkun qed jieħu post il-konnazzjonal Fernando Alonso.
Sainz li hu meqjus fost l-aktar sewwieqa promettenti, dan l-istaġun jinsab b’self ma’ Renault mingħand Red Bull, iżda kien liberu għas-sena d-dieħla wara li t-tim Franċiż akkwista lil Daniel Ricciardo biex ikun is-sewwieq l-ieħor ma’ Nico Hulkenberg.
“Ninsabu eċċitati li jkollna lil Carlos bħala sewwieq ta’ McLaren. Ilna nsegwuh għal xi żmien u nemmnu li hu wieħed mill-aqwa talent tal-ġenerazzjoni tiegħu. Carlos għandu t-taħlita perfetta żagħżugħa u tal-esperjenza. Minkejja li għandu biss 23 sena, is-sena d-dieħla se jibda l-ħames staġun fl-isport,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ McLaren Zak Brown.
Carlos Sainz wera l-kuntentizza tiegħu li se jingħaqad ma’ McLaren, u qal li din l-aħbar hi xi ħaġa li ilu jistenna għal xi żmien. “Ili partitarju ta’ McLaren kemm ili niftakar. Hu isem importanti fl-isport bi storja inkredibbli u l-lista ta’ sewwieqa li kkompetew ma’ McLaren matul is-snin huma fost l-eroj tal-Formula 1.”
Sa issa għadu mhux magħruf min se jkun is-sewwieq l-ieħor ta’ McLaren l-istaġun li ġej, b’Stoffel Vandoorne u Lando Norris huma fost il-favoriti. Vandoorne hu l-favorit minħabba li qed isuq bħalissa, iżda l-Belġjan naqas li jżomm mal-aspettattiva fis-sentejn fil-Formula 1, u f’dan l-istaġun għadu ma spiċċax qabel Alonso. Norris li hu Britanniku, hu sewwieq żagħżugħ li qed ikollu kampjonat mill-aqwa fil-Formula 2.
It-trasferiment ta’ Sainz jiftaħ possibbiltà għal Pierre Gasly li jingħaqad ma’ Red Bull. Il-kap tat-tim Christian Horner kien qal li qed iħares lejn iż-żgħażagħ biex jimla l-vojt ta’ Ricciardo.
//= $special ?>