It-tim nazzjonali Malti tal-Golf kiseb il-midalja tal-fidda fir-raba’ edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew tat-Team Shield li ġie organizzat mill-Federazzjoni Kroata tal-Golf u sar fir-Riverside Golf Club aktar kmieni dan ix-xahar.
B’kollox kien hemm total ta’ 12-il pajjiż parteċipant. Dawn kienu l-Bożnja u Herzegovina, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Maċedonja u l-Ukrajna.
Il-Maltin spiċċaw it-tielet fil-kwalifiki b’total ta’ +11. Il-Kroazja b’aggregate ta’ +1 spiċċat l-ewwel u l-Greċja bi +9. Il-pajjiżi l-oħra li għaddew kienu l-Ungerija, il-Bulgarija, Ċipru, il-Liechtenstein u l-Litwanja. It-tielet post ta’ Malta fisser li kellhom jilagħbu kontra Ċipru fil-kwarti tal-finali.
Minkejja t-tim żagħżugħ li kellhom, Ċipru offrew sfida denja u t-tim Malti kellu jissielet sal-aħħar biex rebaħ tnejn mit-tliet logħbiet u għadda għas-semifinali kontra l-Liechtenstein. Fiż-żewġ edizzjonijiet passati, Malta tilfet il-logħbiet f’dan l-istadju iżda din is-sena l-Maltin ħarġu rebbieħa biex għaddew għall-finali kontra l-Kroazja.
Il-Kroazja kienu wisq b’saħħithom għat-tim Malti fil-ġurnata u rebħu l-midalja tad-deheb. Dan ir-riżultat għandu jitqies pożittiv għat-tim Malti, wara li fl-ewwel edizzjoni spiċċa l-ħames post u fl-aħħar żewġ parteċipazzjonijiet Malta spiċċat it-tielet.
//= $special ?>