Manchester United iddeskrivew rapporti li Josè Mourinho u Paul Pogba kellhom argument bħala totalment bla sens fejn insistew li r-relazzjoni bejniethom hi tajba. Diversi gazzetti rrappurtaw ibieraħ li Mourinho wissa lil Pogba biex ma jitkellimx fil-media u li għandu jitlob trasferiment jekk irid iħalli l-klabb.
Hu mifhum li Manchester United irrifjutaw offerta ta’ Barcelona aktar kmieni dan ix-xahar u minkejja li kien captain fl-ewwel logħba kontra Leicester, il-kummenti tiegħu wara l-logħba setgħu taw x’jifhmu mod ieħor.
“Jekk mhux kuntent, ma tistax tagħti l-aħjar. Hemm affarijiet li ma nistax ngħid għax nispiċċa nkun immultat.” Pogba kellu wirja stupenda fl-ewwel logħba tal-Premier League, b’Mourinho jiddeskrivi l-prestazzjoni tal-midfielder ta’ 25 sena bħala mostruża.
Pogba tilef il-pre-season ta’ Manchester United fl-Istati Uniti wara l-impenji fit-Tazza tad-Dinja, iżda rritorna qabel għat-taħriġ u b’sorpriża beda mill-bidu kontra Leicester. Manchester United akkwistaw lil Pogba mingħand Juventus fl-2016 għal somma rekord ta’ dak iż-żmien €105 miljuni, u fadallu tliet snin fil-kuntratt.
//= $special ?>