Il-progress ta’ Malta fil-Waterpolo ngħata konferma oħra hekk kif fl-istaġun li ġej Jordan Camilleri se jkun qed jibda esperjenza fil-kampjonat Taljan A1 ma’ Roma Nuoto, il-klabb li miegħu proprju jilgħab ħuh Stevie Camilleri.
Għal Jordan Camilleri din se tkun l-ewwel esperjenza tiegħu fil-karriera barra l-pajjiż. Minbarra l-pariri ta’ Stevie Camilleri, Jordan ġibed l-interess wara li għat-tieni edizzjoni konsekuttiva kien parti mit-tim Malti fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew.
Camilleri li għandu 25 sena hu plejer versatili, iżda bla dubju li wieħed mill-aktar pożizzjonijiet li jispikka fihom hi fid-difiża. Bħalissa Jordan qed ikun wieħed mill-aħjar plejers fil-kampjonat tas-sajf, b’Neptunes jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat.
F’kumment lis-sit uffiċjali ta’ Roma Nuoto, il-President Nicolò Cristofaro qal li jinsabu kuntenti ħafna li Jordan Camilleri aċċetta l-proposta tagħhom. Hu qal li impressjonawh id-determinazzjoni u x-xewqa li dejjem wera li jmur Ruma. Cristofaro jinsab konvint li se jagħti għajnuna kbira lit-tim u jidħol eżatt mal-iskwadra li bnew.
Jordan Camilleri qal li jinsab ħerqan li jibda din l-esperjenza u jinsab motivat ħafna. “Irrid ngħix din l-avventura bl-aħjar mod possibbli. Ninsab grat għal Roma Nuoto li tawni din il-possibbiltà.” Hu qal li ħuh Stevie qallu affarijiet sbieħ fuq Ruma bħala belt, fuq il-klabb u sħabu l-plejers. Camilleri kompla li għandu entużjażmu kbir u jinsab għad-dispożizzjoni tal-istaff tekniku. Hu jemmen li jistgħu jmorru tajjeb u jittama li jkun utli biex il-klabb jilħaq il-miri staġjonali.
//= $special ?>