Lokali

Ballerina Maltija tintgħażel biex titgħallem il-ballet fir-Renju Unit

Lea Ellul Sullivan tibrilla fil-ballet minn età żgħira.

Futur li jipprometti li jkun wieħed mill-isbaħ għal tifla Maltija ta’ 11-il sena hekk kif intgħażlet biex titgħallem fi skola rinomata tal-ballet fir-Renju Unit.

Lea Ellul Sullivan ġiet magħżula wara li raw talent eċċezzjonali f’età tant żgħira. Hi se tkun l-ewwel waħda mill-Maltin li se tingħata din l-esperjenza, bil-passjoni tagħha bdiet meta kellha ħames snin.

B’kollox, din l-esperjenza tingħata lil 10 t’itfal biss, li fih isegwu programm mingħajr ma jkollhom għalfejn jitilqu minn art twelidhom jew jgħixu barra minn pajjiżhom.

Fi żmien madwar erba’ snin oħra, Lea se tkun studenta fuq bażi full-time fl-istess skola. Sadanittant, hi se tkompli ttejjeb it-talent tagħha f’dan iż-żfin partikolari.

Lea kienet ukoll l-ewwel Maltija li kkompetiet f’kompetizzjoni internazzjonali, dik bl-isem ta’ Youth American Grand Prix. Hi kien irnexxielha tasal fil-finali darbtejn u meqjusa mal-aqwa 50 żeffiena f’din il-kompetizzjoni.