Lokali

FILMAT: Jidħol jisraq ħanut u jhedded b’sikkina

Raġel liebes beritta sewda joħroġ sikkina u jhedded b'sikkina

Il-Pulizija għaddejja bi tfittxija għal raġel mhux magħruf li daħal ġo ħanut tal-mobiles f’Bormla, fejn seraq flus kontanti wara li hedded lill-kaxxiera b’sikkina ma’ għonqha.

Il-filmat ittella’ fuq Facebook, fejn juri raġel li għall-ħabta tas-18:10 jidħol fil-ħanut fi Triq Santa Tereza f’Bormla, liebes beritta sewda u nuċċali tax-xemx, u ħareġ arma li taqta’ u bil-ponta. Wara li hedded lill-ħaddiema, hu jidher joħroġ il-flus mill-cash register – u wara telaq ‘l barra.

Fortunatament il-ħaddiema ma weġġgħetx, għalkemm jidher li sofriet minn xokk. Il-mara ta’ 30 sena residenti l-Gżira li kienet qegħda waħedha tieħu ħsieb il-ħanut fil-ħin tas-serqa, tidher ippanikkjata fil-filmat u hekk kif il-ħalliel ħarab ‘il barra, il-kaxxiera marret tiġri  ssakkar il-bieb u ċċempel għall-għajnuna.

It-tattoos ma’ driegħ ir-raġel mistennija jgħinu lill-Pulizija biex jidentifikaw lill-ħalliel. Sadattant qed isir appell biex min għandu xi informazzjoni jew jagħraf lill-persuna jagħmel kuntatt mal-Pulizija.

Dwar il-każ, il-Maġistrat tal-Għassa Aaron Bugeja fetaħ inkjesta fejn ħatar diversi esperti sabiex jassistuh. L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-każ għadhom għaddejjin.