Il-Malta Football Association (MFA) ħatret lil Ivan Vella bħala Direttur tat-Tims Nazzjonali, wara li hu għamel żmien bħala l-manager tat-tim tal-kbar ta’ Malta.
F’dan ir-rwol ġdid, Vella se jkun qed jieħu ħsieb id-diversi aspetti –inkluż ta’ tip loġistiku – tal-kategoriji rispettivi tat-tim nazzjonali, fil-livelli kollha.
Ivan Vella, li għandu 44 sena, qeda diversi rwoli fl-MFA għal aktar minn 20 sena fejn kiseb l-esperjenza fid-diversi setturi, inkluż il-qasam internazzjonali. Hu għandu wkoll esperjenza fl-oqsma tal-marketing u l-management tat-tims nazzjonali ta’ Malta.
Il-President tal-MFA, Norman Darmanin Demajo, faħħar il-ħatra ta’ Vella u qal li hu kien l-aħjar kandidat għar-rwol ta’ Direttur tat-Tims Nazzjonali.
Darmanin Demajo irrefera wkoll għall-esperjenza kbira ta’ Vella fis-settur tat-tims u sostna li r-rwol ġdid ta’ Direttur kien neċessarju fid-dawl tal-impenji li qed jiżdiedu għall-amministrazzjoni effiċjenti tat-tims ta’Malta fid-diversi kategoriji.
Fir-ritratt qed jidhru l-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo (xellug) u Ivan Vella (Ritratt: Domenic Aquilina/MFA)
//= $special ?>