Il-kwistjoni riċenti tal-pestiċide marbuta ma’ problemi irriversibbli fis-sistema nervuża tal-bniedem, qed tqajjem aktar tħassib fost in-nies. Problema li għandha l-ikbar effett fuq it-tfal u li qed tiġi użata wkoll f’Malta, kif konfermat mill-awtoritajiet lokali.
L-insettiċida kontenzjuża, imsejħa chlorpyrifos, ġiet fl-attenzjoni internazzjonali f’dawn l-aħħar jiem wara li grupp ta’ tmien avukati fl-Istati Uniti rebħu l-każ biex jipprojbixxu l-użu tagħha wara tħassib kbir dwar l-impatt fuq is-saħħa fis-settur pubbliku wara l-użu ta’ din l-istess sustanza.
Dan l-istess pestiċide huwa magħruf sew li jintuża fl-għelieqi Maltin minkejja li issa qed juri li qed iħalli impatt negattiv.
NetNews tkellem ma’ Peter Agius eks Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta fejn qalilna aktar dwar din il-problema. Din l-aħbar qed tagħmel ħsara kbira lill-bidwi Malti.
“Il-bidwi Malti ġa qiegħed f’xifer l-irdum, hemm bżonn li l-konsumatur Malti jibqalu fiduċja fl-istess prodotti Maltin.”
Huwa qalilna li għandna bżonn sistema li tipprevjeni, sistema li mhux tiggastiga. Minkejja li Malta rċeviet 130 miljun ewro minn fondi ewropej għall-biedja Maltija, għadu ma sarx investiment f’dan is-settur. Laboratorju li jagħmel testijiet biex ikun hemm prevenzjoni,fejn jekk ikun hemm dubju fuq il-pestiċide u l-prodott, dan jiġi ttestjat kif huwa xieraq. Hemm bżonn isir ukoll investiment f’edukazzjoni lejn il-bidwi, fejn ikun jista’ jsaqsi u jsib għajnuna xierqa. B’hekk l-agrikoltura Maltija ma tibqax lura, meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.

Fl-istess waqt huwa għamel appell biex ikun hawn aktar ħarsien tal-prodott Malti, dak lokali, li dan kontinwament qed jiġi mhedded.
Huwa qal li l-bidwi qed jissielet waħdu, u mhux isib il-wens. Fl-istess waqt hemm il-ħtieġa li nħarsu lill-konsumatur biex ikun hemm prevenzjoni xierqa.
//= $special ?>