Sport Waterpolo

Ikompli l-mument pożittiv ta’ Exiles

(Ritratt: Mike Paris)

EXILES ELIA CATERERS…… 10

SLIEMA FRANK SALT………… 7

(3-1), (1-1), (4-2), (2-3)

Il-mument pożittiv ta’ Exiles Elia Caterers kompla hekk kif wara li għelbu lil Neptunes, rebħu wkoll kontra Sliema Frank Salt 10-7. Prestazzjoni oħra pożittiva għat-tim ta’ Marco Cuk li jidher li sab ir-riċetta t-tajba kif jorganizza t-tim hekk kif għal darba oħra reġgħu kienu tajbin mill-ewwel plejer sal-aħħar wieħed.

Sliema jridu jitfgħu din il-logħba warajhom hekk kif għajr l-aħħar sessjoni ma lagħbux skont il-livell tagħhom, ħlief għal Christian Presciutti. Iżda Presciutti waħdu ma jagħmel xejn.

Bidu tajjeb minn Exiles li fetħu vantaġġ ta’ tliet gowls permezz ta’ Slobodan Nikic, Andrea Bianchi u Philip Paris, sakemm lob preċiż ta’ Christian Presciutti naqqas id-distakk ftit qabel tmiem l-ewwel sessjoni. Timmy Sullivan reġa’ kabbar il-vantaġġ fit-tieni sessjoni iżda reġa’ kien Christian Presciutti li ħalla lil Sliema jittamaw b’kontrattakk tipiku tiegħu.

Madankollu l-organizzazzjoni ta’ Exiles kompliet tissarraf u l-fraġilità fid-difiża ta’ Sliema kompliet tidher. Dan wassal biex Exiles komplew ikabbru l-vantaġġ u saħansitra marru 8-3 minn fuq, bil-gowlkiper Slimiż Joseph Sammut jispiċċa espost għax-xuttijiet tal-avversarji.

Sliema bdew l-aħħar sessjoni 8-4, u kienu għoddhom daħlu fil-logħba bi tliet gowls ta’ Michael Spiteri Staines, Nicholas Bugelli u Christian Presciutti. Kien għad fadal nofs sessjoni għat-tmiem iżda l-gowl ftit fortunat ta’ Aurelien Cousin reġa’ kkalma ftit l-affarijiet, b’Michele Stellini jagħlaq il-logħba b’żewġ minuti għat-tmiem.

Exiles: M. Castillo, M. Fenech, A. Bianchi (1), M. Stellini (1), T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro (1), S. Nikic (1), K. Griscti (1), N. Paris, A. Cousin (3), B. Lanzon, P. Paris (1), G. Ciappara

Sliema: J. Sammut, J. Gabarretta (1), C. Presciutti (4), M. Carani, M. Meli, K. Dowling, M. Spiteri Staines (1), D. Fenech, M. Cordina, J. Gambin, Z. Mizzi, N. Bugelli (1), Z. Sciberras

Referees: Mario Dalli, Fabio Brasiliano