Internazzjonali Lokali

Il-Gvern Malti jakkuża lill-Italja: “L-ebda forma ta’ interess biex iħarsu s-sigurtà tal-immigranti”

Kliem iebes għall-awtoritajiet Taljani – jkomplu l-battibekki dwar l-immigrazzjoni bejn Malta u l-Italja

Dgħajsa bl-immigranti fl-ibħra internazzjonali li ma talbitx għall-għajnuna u ma kinitx qegħda f’periklu ġiet interċettata mill-Gwardji tal-Kosta Taljana, f’operazzjoni li tifforma parti minn dik imsejħa Themis tal-Frontex, waqt li kienet fi triqitha lejn Lampedusa. Dan sar magħruf fi stqarrija mill-Gvern Malti b’risposta għall-azzjonijiet tal-Gvern Taljan.

F’din il-kontroversja ġdida, il-Gvern Malti akkuża lill-awtoritajiet Taljani li huma avviċinaw u ħadu l-kontroll tad-dgħajsa b’ 171 immigrant abbord mingħajr ebda talba għall-għajnuna jew mingħajr ebda sinjal ta’ periklu imminenti. Filfatt, d-dgħajsa bl-immigranti kienet qed tirrifjuta l-għajnuna tal-Forzi Armati Maltin, li madanakollu xorta waħda baqgħu jsegwu d-dgħajsa matul il-vjaġġ kollu waqt li għaddiet miż-żona tat-tfittxija u salvataġġ Maltija. L-istqarrija tal-Gvern Malti tgħid li l-immigranti baqgħu jirrifjutaw l-assistenza ta’ Malta minħabba li riedu jibqgħu sejrin lejn id-destinazzjoni aħħarija tagħhom – jiġiferi l-Italja.

Il-Gvern Malti qali li jekk l-awtoritajiet Taljani jqisu dan il-każ li bħala operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ – l-eqreb port kien ikun Lampedusa.

Fl-istess waqt insibu akkuża iebsa minn naħa tal-Gvern Malti – hekk kif qal li ċ-Ċentru għall-Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu Taljan f’Ruma ma wera l-ebda forma ta’ interess dwar is-sigurtà tad-dgħajsa bl-immigranti meta din kienet fiż-żona tat-tfitxxija u salvataġġ tal-Libja – u li kienu inkonsistenti fl-għajnuna tagħhom sakemm din id-dgħajsa kienet qed tivjaġġa minn żona tat-tfittxija u salvataġġ għall-oħra.

Minħabba dawn il-fatti, il-Gvern Malti qal li l-Gvern Taljan m’għandu l-ebda dritt legali li jitlob lil Malta sabiex tipprovdi port biex jitniżżlu l-immigranti abbord.

Il-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini

Min-naħa tiegħu l-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini rrifjuta li dawn jiddaħħlu f’pajjiżu u qal il-kontra tal-awtoritajiet Maltin – jiġifieri li l-immigranti kienu f’diffikultà, f’ibħra Maltin u li kienu qed jiġu akkumpanjati lejn l-Italja mill-awtoritajiet Maltin. Qal li jekk din hi l-Ewropa, din mhux l-Ewropa tiegħu u li l-Italja diġa’ laqgħet bżżejjed immigranti u nefqet biżżejjed flus.

Dan il-każ isegwi l-wasla ta’ żewġ gruppi ta’ immigranti f’Jum Santa Marija – grupp abbord l-MV Aquarius u ieħor li ġie interċettat qrib Filfla fejn kien hemm 35 immigrant abbord dgħajsa.

Fl-aħħar jiem, NET News segwa każ ieħor u għamel kuntatt ma’ Camino Tohm minn għaqda non-governattiva Watch The Med, fejn qalilna li huma kienu ilhom 24 siegħa qrib Malta jistennew. Mistoqsi dwar jekk l-awtoritajiet Maltin kienux ta’ għajnuna mal-ewwel, ir-rappreżentant ta’ Watch The Med irrisponda fin-negattiv. Camino Thom qal li huma stennew għal sigħat twal, u kien biss meta intbagħat l-allert ta’ periklu imminenti li l-awtoritajiet Maltin ħarġu – żied li tħallew fil-limbu dwar jekk l-Forzi Armati ta’ Malta kienux se jieħdu xi azzjoni jew le. Aktar tard fil-kumment tiegħu stqarr: “Wara nammetti, meta irċivejna l-aħbar li l-awtoritajiet Maltin kienu se jgħinu, il-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni fl-operazzjoni ta’ salvataġġ mill-Maltin kienet waħda professjonali”.

Intant, f’pajjiżna l-battibekki mal-għaqdiet non-governattivi umanitarji li joperaw fil-Mediterran biex isalvaw lill-immigranti jkomplu. Ilbieraħ il-vapur Aquarius, li niżżel 141 immigrant f’pajjiżna, tħalla jitlaq mill-Port il-Kbir – iżda minn naħa l-oħra għad hawn numru ta’ bastimenti maqbuda fil-portijiet Maltin, fosthom il-vapur Sea-Watch 3 li ilu jinżamm Malta għal dawn l-aħħar 51 ġurnata.

Dwar dan, l-għaqda non-governattiva Sea-Watch qalet li l-bastiment mhux qed jitħalla jitlaq, minkejja li hu konformi mal-kundizzjonijiet legali kollha. Għaldaqstant fi stqarrija, Sea-Watch għamlet appell lill-Gvern Malti biex iwaqqaf dan l-atteġġjament li hu biss immotivat sabiex jirbaħ punti politiċi minn din is-sitwazzjoni – għaliex kull mument li dan il-bastiment qed jitħalla fil-port ifisser li hemm l-ħajjiet tal-immigranti fil-periklu.

Fl-istqarrija, l-NGO qalet li hu pożittiv li l-vapur Aquarius tħalla jitlaq mill-port Malti, madanakollu huma xorta waħda għadhom inkwetati dwar it-tkissir tas-sistema tal-vapuri ta’ salvataġġ inġenerali. Żiedu li anke jekk il-flottot kollha tal-NGOs umanitarji jkunu qegħdin joperaw fil-Mediterran, xorta waħda l-ħidma tibqa’ baxxa. Dan minħabba t-tnaqqis ta’ missjonijiet ta’ salvataġġ mill-Unjoni Ewropea u tal-Gvern Taljan, fejn dan tal-aħħar ma jridx jikkollabora fiż-żona tat-tfittxija u salvataġġ tiegħu.

Il-kaptan tal-vapur Sea-Watch 3, Pia Klemp, akkużat li l-Gvern Malti qed jivvinta kundizzjonijiet mċajpra li ma jiffurmawx parti mill-liġi internazzjonali. L-istqarrija tgħid li tal-inqas 261 persuna tilfu ħajjithom fil-Mediterran sakemm l-vapuri qegħdin jinżammu milli jbaħħru u jkomplu b’xogħolhom.