Inħeles mill-arrest Geert van der Veen, iż-żagħżugħ akkużat bi qtil involontarju u bi traskuraġni f’inċident bejn żewġ jet skis fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’Jum Santa Marija.
L-inċident seħħ meta l-akkużat tilef il-kontroll tal-jet ski u baqa’ dieħel minn wara f’dak misjuq minn sieħbu, Mart de Ruiter, li bħalu hu Olandiż li kellu 19-il sena.
Van der Veen tressaq il-Qorti jumejn wara l-inċident, u wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li saq jet ski taħt l-influwenza tal-alkoħol jew id-drogi.Dan hekk kif sorsi qrib l-investigazzjoni stqarrew li malli seħħ l-inċident, l-akkużat saru test tal-breathalyser u falla minnu għalkemm iż-żagħżugħ iddikjara li hu ma xorobx fil-jum tal-inċident.
Dan aktarx għax kien għadu taħt l-influwenza tal-alkoħol mil-lejl ta’ qabel.
Malli seħħ l-inċident, fil-bajja ta’ San Ġorġ, f’Paceville, persuni fuq il-post ippruvaw jagħtu l-ewwel għajnuna lill-vittma, Mart de Rutier. Madnakollu ma kien hemm xejn xi jsir hekk kif hu kien dikjarat mejjet fil-post ftit wara t-3.30 ta’ waranofsinhar.
Il-Maġistrat Aaron Bugeja ħeles lil van der Veen mill-arrest abbażi li dan kien inċident sfortunat, u laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000.
Van der Veen qed ikun assistit mill-avukat Josette Sultana.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Leeroy Balzan Engerer m’oġġezzjonatx għat-talba mill-ħelsien mill-arrest u wkoll innutat li dan kien inċident sfortunat, għalkemm serju minħabba li seħħ waqt li l-akkużat kien taħt l-influwenza.
//= $special ?>