Lokali

Jinżamm arrestat iż-żagħżugħ li gidem Surġent u weġġa’ Kuntistabbli

Is-Surġent Alexander Gauci (PS991), safa’ vittma ta’ aggressjoni matul il-lejl li għadda, meta Kevin Yanick Malthide, li għandu 22 sena u hu mill-Burkina Faso, gidmu.

Kawża tal-gidma, is-Surġent spiċċa mbenġel f’diversi partijiet ta’ idu u saħansitra b’tiċrita. Dan bil-konsegwenza li s-Surġent kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei għat-testijiet mediċi.

Il-Malta Police Association fi stqarrija ddikjarat li hemm bżonn perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur biex Gauci jserraħ rasu li ma ġiex infettat minn xi marda bħall-HIV. Dan għaliex każi ta’ HIV jistgħu jieħdu perjodu hekk twil biex jimmanifestaw ruħhom.

NET News għamel kuntatt mas-Segretarju Eżekuttiv tal-Malta Police Association Johann Mifsud, fejn stqarr li l-Assoċjazzjoni ilha f’kuntatt mal-Gvern dwar il-ftehim kollettiv għal aktar minn sena – dan sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-Pulizija, fosthom il-protezzjoni mogħtija lill-Pulizija u aktar liġijiet ħorox biex ikunu ta’ detterent. Żied li hemm ukoll il-kwistjoni tal-uniformijiet fid-diskussjoni.

“Hija tal-mistħija li ilna sena niddiskutu mal-Gvern, għalkemm il-Gvern wera xaqq ta’ dawl li se jaċċetta l-proposti tagħna – pero dan id-dewmien kollu biex naslu għall-kompromess u niffirmaw il-ftehim settorjali huwa inaċċettabbli. Nifhem li ftehim settorjali jirrigwardja ammont ta’ flus – pero flus għal kulħadd qed jinstabu, u nippretendi li jinstabu l-flus ukoll għall-Pulizija – sabiex fl-aħħar mill-aħħar nipproteġu liċ-ċittadin”, stqarr Johann Mifsud.

Il-każ tal-atakk fuq il-Pulizija seħħ fis-sagħtejn tal-Ġimgħa filgħodu, u fl-inċident indarab ukoll Kuntistabbli ieħor, biż-żagħżugħ li jgħix f’Dar Papa Franġisku jitressaq il-Qorti ftit tas-sigħat wara u nżamm arrestat.

Hu kien akkużat ukoll li hu riċediv hekk tlett ijiem ilu biss tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu u ngħata l-libertà proviżorja għal tmintax-il xahar.

Waħda mill-kundizzjonijiet impost fuqu filfatt kienet li ma jersqx lejn il-post fejn instab, u kien għalhekk li l-Pulizija ssejħu fil-post. Jirriżulta li l-agressjon iseħħet propju waqt li l-akkużat kien se jittieħed lura lejn ix-shelter fejn joqgħod.

Quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja saret talba għall-ħarsien mill-arrest, li m’aċċettax dan u ordna li jinżamm arrestat anke frott il-biżda li jħalli pajjiżna.