Lokali Qorti

L-akkużat tal-qtil ta’ Shannon Mak kien ilu jkun aggressiv magħha

L-Olandiża Shannon Mak inqatlet mill-eks sieħeb tagħha wara li wasslitu lejn ir-residenza tiegħu fi tmiem attività tax-xogħol li t-tnejn kienu qed jattendu għaliha fil-Bajja tal-Armier.

Dan kien konfermat il-Ġimgħa, meta fil-Qorti kompla jinstema’ l-każ tal-Olandiż ta’ 22 sena Jelle Rijpma, akkużat bil-qtil tat-tfajla li kellha 30 sena.

Il-każ seħħ fi Triq il-Mastrudaxxi, Santa Venera, nhar it-3 t’Awwissu, bil-Pulizija jsibu lill-vittma mixħuta fl-art bejn żewġ karozzi u b’għonqha mħanxar.

Minn dak li rrakkuntat lil sħabha, jirriżulta li Mak temmet ir-relazzjoni mal-akkużat ġimgħatejn biss qabel, wara diversi episodji fejn kien agressiv magħha.

Wara li wasslitu, fil-lejl fejn seħħet it-traġedja, jirriżulta li nqala’ argument fir-residenza tal-akkużat, bit-tfajla titlaq mill-appartament.

Kien hawn li Rijpma qabad sikkina ta’ bejn erbgħa u sitt pulzieri mill-kċina, u ħareġ jiġri barra fit-triq fejn laħaq lil Mak u ħanxrilha għonqha ftit bogħod mill-karozza tagħha.

Dan kollu deher f’filmati ta’ kameras tas-sigurtà elevati mill-Pulizija, u li juruh ukoll iwaddab l-arma tad-delitt u l-mobile tal-vittma f’terazzin viċin fejn seħħ id-delitt.

Wara, ż-żagħżugħ irritorna lejn ir-residenza tiegħu sal-wasla tal-Pulizija, li sabuh fuq sufan u ma rreżistiex l-arrest.

Il-każ ikompli fil-25 ta’ Settembru, bl-akkużat jibqa’ arrestat.