SAN ĠILJAN TUM INVEST……….. 9
NEPTUNES LEO VEGAS……………. 7
(4-3), (3-2), (1-1), (1-1)
Is-sensiela ta’ logħbiet mingħajr telfa ta’ San Ġiljan twalet għal 53 logħba b’rebħa ta’ 9-7 fuq Neptunes biex baqgħu mhux megħluba. Ir-riżultat finali ftit kien se jħalli effett għalihom minħabba li kienu assiguraw l-ewwel post qabel.
Iżda din it-telfa swiet lil Neptunes li biha tilfu t-tieni post u se jkollhom jilagħbu rawnd ieħor biex jgħaddu għas-semifinali. It-tim ta’ Popovic kien pożittiv fid-difiża iżda naqas li jkun preċiż fl-attakk. Huma naqsu wkoll li jwettqu reazzjoni wara li San Ġiljan għamlu sessjoni mingħajr barrani.
Neptunes fetħu tajjeb u marru 2-0 minn fuq permezz ta’ Jordan Camilleri u Petar Muslim. Iżda reazzjoni tajba ta’ San Ġiljan wasslet biex mhux biss skorjaw iżda marru 4-2 minn fuq, b’Andreas Galea jagħmilhom 3-2 b’xutt preċiż filwaqt li Paulo Obradovic skorja r-raba’ gowl b’xutt b’saħħtu.
Stevie Camilleri naqqas id-distakk eżatt ma’ tmiem l-ewwel sessjoni, b’Neptunes idawru r-riżultat b’gowls minn Petar Muslim u Jeremy Abela. Iżda San Ġiljan dawru r-riżultat u temmew it-tieni sessjoni 7-5 minn fuq, bi tliet gowls ta’ Ben Plumpton, Paulo Obradovic u Andreas Galea.
B’distakk minimu, iż-żewġ timijiet bdew joqogħdu attenti li ma jiżbaljawx. Kien minuta u 55 sekonda mit-tmiem tat-tielet sessjoni li seħħet żvolta fil-logħba. Ir-referee Fabio Brasiliano keċċa lill-Kroat Paulo Obradovic għal kollox għal protesti ripetuti, deċiżjoni li qajmet protesti kbar minn San Ġiljan. Mill-azzjoni sussegwenti, Stevie Camilleri naqqas id-distakk, iżda ftit wara kien Matthew Zammit li b’xutt b’saħħtu fir-rokna tax-xibka ma tax ċans lil Joseph Parnis.
San Ġiljan kien għad fadlilhom l-aħħar sessjoni quddiemhom, iżda bdew jissieltu biex iżommu ż-żewġ gowls vantaġġ. Stevie Camilleri għamilhom 8-7 f’nofs l-aħħar sessjoni, bit-tensjoni tal-logħba tkompli tikber. Iżda gowl mill-isbaħ ta’ Ben Plumpton mix-xellug fl-azzjoni ta’ wara reġa’ ta vantaġġ importanti liċ-champions.
Iż-żewġ timijiet kellhom jispiċċaw il-logħba mingħajr il-kowċis tagħhom wara li t-tnejn tkeċċew mir-referees. San Ġiljan baqgħu jikkontrollaw b’Neptunes ma jirnexxielhomx isibu aktar gowls li setgħu jittamaw li jsalvaw xi ħaġa.
San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (1), A. Galea (2), B. Grech, C. Farrugia, M. Zammit (1), B. Plumpton (3), Da. Zammit, T. Said, P. Obradovic (2), P. Fava, D. Ciantar, T. Micallef
Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon, K. Erdogan, G. Pace, P. Muslim (2), N. Zammit, S. Camilleri (3), J. Camilleri (1), J. Abela (1), M. Zammit, J. Muscat, M. Azzopardi, J. Parnis
Referees: Fabio Brasiliano, Peter Balzan
//= $special ?>