Lokali

Scouts Maltin u barranin fil-Parlament Malti

Għall-ewwel darba f’Malta, membri tal-iscouts Maltin flimkien ma’ membri oħra mill-Ġermanja u mill-Portugall, inġabru fil-Parlament fejn espremew l-valuri tal-iscouts f’pajjiżi Ewropej.

Huma saħqu li hemm bżonn iktar volontarji biex jissapportjaw l-iscouts, li qiegħdin itellgħu in-nies t’għada bħala mexxejja bl-aħjar valuri.

Iċ-Chief Commissioner tal-iscouts f’pajjiżna, Anton Pisani tkellem magħna dwar l-importanza tal-iscouts madwar id-dinja kollha.

Żewġ membri mill-Ġermanja u l-Portugall qalu li fost il-valuri li jagħtu gruppi tal-iscouts, hemm l-għajnuna lill-membri biex jgħelbu l-isfidi li jaffaċjaw. Huma espremew b’mod speċjali l-esperjenza sabiħa tagħhom f’Malta wara li f’pajjiżna kien hawn il-MedJam Malta 2018.

MedJam laqa’ f’Malta iktar minn 1,600 Scout u Guide minn 21 pajjiż minn madwar id-dinja bil-għan li jkun skambju ta’ ħbiberiji u għarfien ta’ kulturi differenti.

NetNews tkellem ma’ wieħed mill-membri mill-Portugall li qalilna iktar dwar l-esperjenza tagħhom f’Malta.

Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, Ryan Callus fejn esprima l-importanza li l-Parlament jieħu f’konsiderazzjoni dak kollu li ntqal minn membri tal-iscouts.

L-iscouts ilhom li bdew madwar id-dinja mill-1907 biex jgħallmu l-membri tagħhom, li l-età tagħhom tvarja bejn it-13 u t-30 sena, biex jgħixu fil-paċi mal-oħrajn. Huma b’mod speċjali jgħallmu valuri li wieħed ma jieħux mill-iskola, biex fl-aħħar mill-aħħar jitilgħu ċittadini tajbin u jbiddlu d-dinja għall-aħjar.

Ritratti: Matthew Tabone