Futbol Sport

Bernardeschi jagħti rebħa drammatika lil Juventus

Federico Bernardeschi jifraħ wara li skorja l-gowl rebbieħ (Ritratt: EPA)

Gowl fil-ħin miżjud ta’ Federico Bernardeschi ta debutt b’rebħa liċ-champions Juventus f’logħba missielta kontra Chievo. Din il-logħba fissret id-debutt uffiċjali ta’ Cristiano Ronaldo ma’ Juventus li iżda naqas li jsib ix-xibka.

Juventus kellhom bidu mill-aqwa u fetħu l-iskor wara tliet minuta meta minn free-kick mil-lemin, Giorgio Chiellini daħal fil-kaxxa bid-daqqa ta’ ras tiegħu ma tkunx brillanti, iżda l-ballun spiċċa f’saqajn SAMI KHEDIRA li skorja b’xutt bix-xellug.

Chievo ġabu d-draw fit-38 minuta meta minn kross mix-xellug, MARIUSZ STEPINSKI tħalla waħdu fil-kaxxa u b’daqqa ta’ ras tajba għeleb lil Szczesny. Chievo saħansitra marru fil-vantaġġ fis-56 minuta meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Joao Cancelo fuq EMANUELE GIACCHERINI, bl-istess plejer jiskorja mill-11-il metru.

Juventus ġabu d-draw fil-75 minuta. Kien korner tajjeb mix-xellug tas-sostitut Federico Bernardeschi, għola tajjeb Leonardo Bonucci iżda ma laqatx il-ballun, u ħabat ma’ Mattia Bani li għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess. Il-Bianconeri skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-93 minuta bi kross ta’ Alex Sandro mix-xellug li sab lil FEDERICO BERNARDESCHI li mattar siequ biex għeleb lis-sostitut Andrea Seculin.