Gowl skurjat minn Marcos Alonso, għaxar minuti mit-tmiem, aċċerta rebħa drammatika għal Chelsea kontra Arsenal fid-derby ta’ Londra. Ir-rebħa kienet mistħoqqa għall-Blues ta’ Maurizio Sarri avolja l-Gunners, aktar kmieni fil-logħba, kienu wettqu rimonta qalbiena biex jeliminaw distakk doppju wara bidu kemmxejn diżastruż.
Fl-ewwel 20 minuta, Chelsea kienu diġà bnew vantaġġ ta’ 2-0 wara li Pedro dawwar għal ġewwa l-cross ta’ Alonso, b’Alvaro Morata, minuti wara, jerġa’ jegħleb lill-gowlkiper, Cech. Dan wara li Pierre-Emerick Aubameyang kien falla ċans tad-deheb biex iġib id-draw għall-Gunners minn quddiem il-lasta.
Iżda Arsenal baqgħu jemmnu u fis-37 minuta, Henrikh Mkhitaryan naqqas il-marġni tal-iskor b’xutt fil-baxx li għeleb lill-gowlkiper tal-Blues, Kepa Arrizabalaga. Il-gowl ta nifs ġdid lil Arsenal li kisbu d-draw ftit minuti wara minn Alex Iwobi — u bil-Gunners, imbagħad, jieħdu r-riedni għal kollox fejn anki setgħu żiedu aktar gowls (minn Aubameyang u Iwobi) qabel il-mistrieħ.
Fit-tieni taqsima, Chelsea ħarġu aktar determinati u, ftit ftit, bdew jieħdu lura r-riedni tal-logħob b’Eden Hazard, li kien daħal jilgħab bħala sostitut, ikun xewka kontinwa għad-difiża tal-Gunners.
Il-gowl kien qiegħed fl-ajru u wasal meta Alonso daħal tajjeb għall-ballun fil-baxx ta’ Hazard biex għeleb lil Cech għat-tielet darba u għat-tieni rebħa konsekuttiva ta’ Chelsea mill-ftuħ tal-istaġun. Intant, din kellha tkun it-tieni telfa għal Arsenal minn daqstant logħbiet wara li huma, il-ġimgħa l-oħra, kellhom ibaxxu rashom f’darhom kontra ċ-champions, Manchester City.
Ir-riżultat ifisser li Chelsea rebħu sitta mill-aħħar seba’ logħbiet home (fil-league) ma’ Arsenal, bl-uniku eċċezzjoni jkun il-konfront tas-sena l-oħra bejn dawn it-timijiet fi Stamford Bridge li spiċċa fi draw mingħajr gowls.
Chelsea, bħalissa, huma l-ewwel fil-klassifika b’sitt punti u b’differenza ta’ gowls aħjar minn Tottenham Hotspur u Bournemouth li wkoll għandhom punti massimi minn żewġ logħbiet.
//= $special ?>