Għalkemm il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ huwa l-Kunsill li jirrappreżenta liz-żgħażagħ, dan l-aħħar, il-KNŻ beda ħidma biex itejjeb l-għarfien tal-poplu rigward is-saħħa mentali. Bhala parti minn din il-ħidma, il-KNŻ nieda l-kampanja ‘A Holistic Approach Towards Mental Health and Youth’ wara li applikazzjoni ghall-finanzjament mill-programm Erasmus Plus ġiet aċċettata.
Michael Piccinino, il-President tal-KNŻ, spjega lil NET News għaliex inbdiet din il-kampanja.
“Ħassejna li hemm bżonn iżjed ħarsien u anka azzjonijiet konkreti f’dan is-suġġett.”
Il-kampanja ser tkun maqsuma f’5 proġetti fejn ser isiru diskussjonijiet flimkien ma’ diversi uffiċjali ta’ setturi differenti fosthom tas-saħħa, il-qasam tax-xogħol u l-edukazzjoni. Il-parteċipanti f’dawn id-diskussjonijiet ser ikunu żgħażagħ li ser ikollhom l-opportunita’ sabiex isemmgħu leħinhom u b’hekk jiġu komposti proposti fejn jiġu suġġeriti miżuri għat-titjib tal-kundizzjonijiet rigward is-saħħa mentali, fit-tmiem ta’ kull proġett.
Michael Piccinino spjega l-istruttura tal-proġetti, li jissejjaħ ‘structure dialogue’ fid-dettall.
“Structure dialogue huwa proċess fejn flimkien iż-żgħażagħ, il-policy makers, nies bl-esperjenza u nies li jaħdmu fis-setturi jiltaqgħu u jiġu komposti proposti.”
Il-KNŻ qed jistenna li f’kull proġett ikun hemm madwar 40 persuna li se jkunu qed jattendu.
F’sondaġġ li għamel il-KNŻ, ħareġ li l-edukazzjoni rigward is-saħħa mentali hija minima. Innutaw ukoll illi fl-iskejjel mhux qed jiġi mgħallem l-ebda għarfien dwar is-saħħa mentali. Il-maġġjoranza tan-nies ma jafux li jeżisti kors tal-ewwel għajnuna għas-saħħa mentali. Hemm nuqqas ukoll fl-għarfien ta’ liġijiet u drittijiet li dawn in-nies għandhom. Mir-riċerka li stħarrġet il-KNŻ, biċċa kbira tan-nies li jkollhom bżonn l-għajnuna ta’ psikologu ma jfittxux l-għajnuna u jispiċċaw ifendu għal rashom.
Gertrude Buttigieg, uffiċjal fl-uffiċju tal-Kummissarju għas-saħħa mentali, spjegat is-sitwazzjoni kif inhi f’pajjiżna.
“Fost iż-żgħażagħ wieħed minn kull ħamsa jista’ jkun affetwat minn diffikulta’ fis-saħħa mentali tiegħu.”
Il-proġett se jkun bbażat fuq l-idea fundamentali tal-inklużjoni u l-integrazzjoni taż-żgħażagħ bejn 13 –il sena u 30 sena li qed isofru minn mard ta’ saħħa mentali. Din l-idea timxi b’paralleliżmu mal-qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għarfien rigward dawk b’diffikulta’ bis-saħħa mentali u għall-kundizzjonijiet tagħhom.
//= $special ?>