F’Ġenova, illum se jsiru l-funerali tal-vittmi tat-traġedja ta’ nhar it-Tliet, meta kkrolla 200 metru ta’ pont ewlieni fil-belt. Għal dan il-funeral se jattendi l-President Taljan, Sergio Mattarella, u l-Prim Ministru Giuseppe Conte.
Imma xi familji qalu li ma kinux se jattendu u se jagħmlu funeral privat. Dan bi protesta għall-awtoritajiet li qalu li għal dawn is-snin kollha kienu jafu li l-pont kien perikoluż iżda ma għamlu xejn.
Dan hekk kif il-bilanċ rivedut tal-vittmi issa hu ta’ 41 persuna, wara li nstabet karozza mirduma bi tlett persuni fosthom tifla ta’ disa’ snin.
Hemm suspetti li jista’ jkun hemm bejn 10 u 20 persuni oħra midfuna taħt it-terrapien tal-pont. Dan hekk kif il-ħaddiema tas-salvataġġ għadhom ma laħqux il-karozzi mirduma kollha.
Dan hekk kif kompliet it-tfittxija bla waqfien fost il-biċċiet kbar ta’ konkos li ċedew. Issa s-suspett ewlieni hu li cable tal-azzar li kien iżomm il-pont f’postu ċeda u wassal għat-traġedja. Sadanittant qed ikomplu l-polemiċi dwar min hu responsabbli għal dak li ġara. Sorsi varji qalu li kollox jindika li l-pont inbena ħażin mill-ewwel fl-1967.
Kmieni l-Ġimgħa filgħodu, il-ħidma tas-salvataġġ kellha tiġi interrotta minħabba nar li żviluppa hekk kif kien qed jinqata’ l-ħadid.
B’kollox hemm mat-300 pulizija tat-tifi tan-nar impenjati fil-ħidma.
Hemm ukoll mas-600 persuna li kellhom iħallu djarhom peress li huma taħt il-kumplament tal-pont u hemm xi wħud minnhom li kienu avżati li aktarx id-djar tagħhom se jkollhom jinqerdu hekk kif jitwaqqa’ l-pont.
Issa l-Gvern Taljan ta lill-Autostrade per l’Italia ġimagħtejn biex turi li wettqet l-obbligi kollha rigward is-sigurtà tal-pont inkella jinfetħu l-proċeduri legali. Dan apparti li l-Gvern irid li l-Autostrade tibni mill-ġdid il-pont u l-binjiet l-oħra li se jkollhom jinqerdu.
//= $special ?>

