Internazzjonali

Imut Kofi Annan, rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi

Il-Partit Nazzjonalista jsellem l-memorja ta’ Kofi Annan

Tħabbret il-mewt ta’ Kofi Annan li għal snin twal serva bħala Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Hu miet ta’ 80 sena.

Bħala diplomatiku mill-Ghana, Kofi Annan kien l-ewwel Afrikan li serva fl-irwol ta’ Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, kariga meqjusa bħala waħda mill-aktar importanti fid-dinja tad-diplomazija.

Bħala rikonixximent għall-irwol tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bejn l-1997 u l-2006, Kofi Annan kien rebaħ ukoll il-Premju Nobel għall-Paċi.

Aktar tard hu kien ukoll mibgħut speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sirja – fejn mexxa sforzi għal soluzzjoni paċifika għall-kunflitt fir-reġjun.

Aġġornata

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici, sellem il-memorja ta’ Kofi Annan. Bniedem li għamel gieħ lill-pajjiżu l-Gana. Kien s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda mill-1997 sal-2006. Influenti mimli b’inizjattivi ġodda li serva lill-umanità.

Serviha bħala messaġġier u ħaddiem favur il-paċi kontra l-gwerra. Mogħti ġustament l-premju Nobel għall-paċi fl-2001. Attent f’dak li kien qiegħed jwettaq. Ippreparat b’paċenzja u perseveranza, kostanti u b’boxxla ta valuri umani li qatt m’abbanduna.

Bniedem li kkumbatta favur l-iżvilupp sħiħ tal-persuna umana. Favur stati fid-dinja li kienu lura. Rappreżentant denju tal-għerf u l-għaqal tal-kontinent Afrikan. Ġellied għad-demokrazija bħala valur.

L-mexxej li kien jemmen li ħadd ma jitwieled ċittadin tajjeb u anqas li nazzjon jitwieled demokratiku imma li t-tnejn jgħaddu minn proċess kontinwu ta’ żvilupp biex jsiru dejjem aħjar milli kienu.

Ġellied favur l-edukazzjoni. Kien jemmen ġustament li l-edukazzjoni hija dritt fundamentali ta’ kull bniedem fid-dinja. Dritt li jagħtih l-poter li jibdel għax fuq l-edukazzjoni tiddependi l-libertà, d-demokrazija u l-iżvilupp sostenibbli.

M’hemmx dubju li se jħalli warajh minjiera ta’ għerf u kitba. Kliem li għandhom jispirawna sabiex nagħmlu d-dinja ahjar milli hi u li nassiguraw li tonqos d-dizugwaljanza, l-faqar u l-inġustizzja soċjali u tikber d-demokrazija.

Kif kien qal f’wieħed mill-aħħar diskorsi tiegħu fl-14 ta’ Sttembru 2017 hemm kriżi fid-demokrazija għax kif jgħid huwa “The victory over nazism, fascism and communism were also ideological struggles that were won on the battle field of ideas as well. Yet many of the tools of that battle have been abandoned or underfunded to day.”

Proprju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jingħaqad mad-dinja u jsellem l-memorja ta’ Kofi Annan.