L-arrest ta’ tlett irġiel mis-Somalja aktar kmieni din il-ġimgħa wassal biex il-Pulizija stabbiliet informazzjoni ġdida dwar il-modus operandi ta’ kif tkun negozjata d-droga fil-mekka tad-divertiment Paceville.
Dawn is-Somali arrestati stqarrew mal-Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga li huma jkunu mġiegħla jżommu fuqhom kwantitajiet żgħar ta’ droga biex b’hekk ikunu jistgħu jaqdu lill-klijenti. Iżda ftit passi lil hinn minnhom ikollhom indukrata kunsinna akbar u varjetà usa’ ta’ droga biex lill-klijenti jkunu jistgħu jaqduhom.
Jirriżultaw okkażjonijiet meta persuna tmur tixtri d-droga u huma jqabbdu runner biex imur jiġri jġib tali droga u hekk isir in-negozju filwaqt li fuqhom huma jkollhom ammonti mill-iżgħar ta’ droga.
Naturalment dan kollu bi ħsieb preċiż… kemm-il darba huma jinqabdu mill-Pulizija jispiċċaw jeħlu biss sentenzi minimi.
Kien l-Ispettur Trevor Micallef li rrelata din ix-xhieda interessanti minn fuq il-pedana tax-xhieda meta ressaq il-Qorti tliet Somali u akkużahom b’reati relatati mat-traffiku u n-negozju tad-droga.
It-tliet Somali huma Abdifatah Ali Mohamed ta’ 24 sena, Abdirashid Ibrahim Ahmed ta’ 23 u Abdiraheem Abbas Tahlil ta’ 22 sena. Tnejn minnhom wieġbu li ma kinux ħatja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom u meta talbu l-ħelsien mill-arrest sabu mhux biss l-oġġezzjoni bil-qawwa kollha tal-Prosekuzzjoni, imma anki deċiżjoni ta’ “le” mill-Qorti. Madankollu fir-rigward tal-ewwel Somalu li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, il-Qorti tat sentenza ta’ priġunerija sospiża għal sentejn.
Minn fuq il-pedana tax-xhieda l-Ispettur Micallef qal li f’Paceville qiegħed ikun hemm traffikanti tad-droga li fuqhom ikollhom ammonti żgħar ta’ droga għall-bejgħ biex b’hekk ir-riskju li jinqabdu bi kwantitajiet kbar ta’ droga jkun minimu għall-aħħar.
Qal li meta f’nofs din il-ġimgħa arresta tliet Somali wara li nqabdu jinnegozjaw id-droga f’Paceville, dawn irrakkontawlu kif kien qiegħed isir dan in-negozju tad-droga u fil-fatt, minn aktar indaġni nstab li f’ċerti moħbiet f’distanzi mhux daqstant ’il bogħod minn postijiet tad-divertiment, fil-fatt instabu kunsinni akbar ta’ droga lesta biex tkun negozjata lil terzi persuni.
Hu xehed ukoll kif gruppi ta’ rġiel kienu qed jintasbu f’ċerti postijiet f’Paceville jistennew biex ikunu avviċinati għal skop ta’ negozju ta’ droga. Fil-fatt dak li jiġri hu li persuna tavviċina lil xi ħadd minn dawn il-bejjiegħa, xi ħadd minnhom imur bil-ġiri jġib id-droga mitluba – dejjem f’pakketti żgħar – isir in-negozju, jgħaddu l-flus u hekk dawn in-nies jistennew lil xi proxxmu ieħor għal skop ta’ negozju ta’ droga.
Hu qal li meta dawn is-Somali ntalbu jispjegaw il-ħsieb wara dan il-mod ta’ traffikar ta’ droga, qalulu li biex kemm-il darba xi ħadd minnhom jinqabad, allura s-sentenza li jieħu fil-Qorti tkun l-inqas possibbli.
Hu qal li l-istorja kollha f’dan ir-rigward bdiet meta Spettur mir-Rapid Intervention Unit (RIU) lemaħ persuna tarmi żewġ pakketti fl-art u avviċinah. Irriżulta li fiż-żewġ pakketti kellu 34 gramma ta’ kannabis.
Madankollu, minn aktar stħarriġ, il-Pulizija sabu aktar droga, fosthom ukoll kokaina moħbija f’basket.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras semgħet b’attenzjoni kbira din ix-xhieda ferm interessanti, fil-preżenza wkoll ta’ numru ta’ avukati tal-Assistenza Legali li kienu qed jidhru għat-tliet akkużati mis-Somalja.
//= $special ?>