Tottenham żammew il-bidu perfett għall-istaġun bit-tieni rebħa minn daqstant logħbiet, din id-darba kontra Fulham. Ir-rebħa kellha anki sinifikat partikulari għall-attakkant ta’ Spurs, Harry Kane, li rnexxilu jiskorja l-ewwel gowl tiegħu fil-Premier League matul ix-xahar ta’ Awwissu.
Kane kien falla l-appuntament mal-gowl fl-erbatax il-logħba tal-league preċedenti li nzertaw fl-ewwel xahar tal-istaġun, iżda din id-darba x-xorti daħkitlu meta, 13-il minuta mit-tmiem, irnexxielu jsib ir-rokna tax-xibka b’xutt fil-baxx biex jissiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu.
Fl-ewwel taqsima, Lucas Moura kien poġġa lil Spurs fil-vantaġġ u b’Fulham jagħmluhom 1-1 wara l-mistrieħ b’gowl opportunist ta’ Aleksander Mitrovic. Fl-74 minuta, id-difensur Kieran Trippier skorja ġmiel ta’ freekick minn barra l-kaxxa biex mill-ġdid poġġa lil Tottenham fil-vantaġġ u bl-aħħar kelma tkun ta’ Kane li qed jittama li javviċina u anki jirrepeti s-suċċess tal-istaġun li għadda fejn skorja 52 gowl f’59 logħba.
Il-gowlkiper ta’ Cardiff City, Neil Etheridge, salva penalty u punt prezzjuż għat-tim tiegħu sekondi biss qabel tmiem il-logħba ma’ Newcastle United fil-Cardiff City Stadium. B’hekk, il-Bluebirds, li għadhom telgħin miċ-Championship, aċċertaw mill-ewwel punt tal-istaġun fl-ogħla diviżjoni, bl-aktar mod drammatiku.
Cardiff kienu xi ftit aħjar mill-avversarji fl-ewwel taqsima u wara l-mistrieħ huma ħarġu jfittxu l-gowl, b’Kenneth Zohore ifalli ċans tajjeb bir-ras minn quddiem il-lasta. Newcastle, imbagħad, spiċċaw b’għaxar plejers wara li tkeċċielhom is-sostitut Isaac Hayden għal fawl ikrah fuq Josh Murphy, iżda kienu Newcastle li messithom opportunità tad-deheb meta, fil-ħin miżjud, il-captain ta’ Cardiff, Sean Morrison mess il-ballun b’idu fil-kaxxa fuq il-cross ta’ Yoshiniro Muto – bir-referi isaffar penalty.
Inkariga ruħu mill-ħdax il-metru Kenedy li ra x-xutt fil-baxx tiegħu salvat b’kalma kbira minn Etheridge fost il-ferħ tal-partitarji, u bil-logħba tintemm 0-0.
Everton ħadu l-ewwel rebħa fil-Premier League taħt it-tmexxija tal-kowċ, Marco Silva, meta rnexxielhom jegħlbu l-isfida ta’ Southampton, 2-1, f’Goodison Park. It-Toffees fetħu fuq l-offensiva u marru fil-vantaġġ wara biss 15-il minuta. Dan meta Theo Walcott irċieva mingħand Schneiderlin u xeħet ġewwa, wara azzjoni tajba li bdiet minn freekick barra l-kaxxa. Everton idruppjaw man-nofs-siegħa, meta Walcott għadda ballun lil Richarlison li, bir-ras, għeleb għat-tieni darba lill-gowlkiper McCarthy.
Is-Saints minn dak il-ħin bdew jidħlu fil-logħba u Pickford salva lil Everton wara li Danny Ings żmarka ruħu u sab ruħu waħdu quddiem il-gowlkiper. L-istess Ings patta għal dan fit-tieni taqsima meta dawwar għal ġewwa l-flick ta’ Lemina għal 2-1, iżda Everton, minn dak il-ħin, iddefendew il-vantaġġ bil-għaqal u anki setgħu siġillaw ir-rebħa wara li Walcott falla l-bersall mill-viċin fuq il-pass preċiż ta’ Sigurdsson.
Leicester City għelbu lil Wolves 2-0 fil-King Power Stadium, iżda kellhom jgħaddu minn ħafna mumenti ansjużi wara li tkeċċielhom l-attakkant Jamie Vardy f’nofs it-tieni taqsima.
Il-Foxes kienu aktar kliniċi mill-avversarji u daħlu jistrieħu b’vantaġġ ta’ 2-0 wara l-awtogol ta’ Matt Doherty ( fid-29 minuta) u x-xutt sabiħ ta’ James Maddison minn tarf il-kaxxa. Fis-66 minuta, Vardy intwera l-ħamra għal daħla perikoluża fuq Doherty iżda Wolves ma setgħux jisfruttaw il-vantaġġ numeriku u, għaldaqstant, għadhom jistennew l-ewwel rebħa tagħhom fil-Premiership minn Frar tal-2012.
West Ham United iddiżappuntaw bis-sħiħ f’darhom fejn, minkejja vantaġġ inizjali, kellhom ibaxxu rashom ma’ Bournemouth li, min-naħa tagħhom, urew karattru u grinta qawwija biex idawwru telfa f’rebħa.
It-telfa, 1-2, hi t-tieni waħda tal-Hammers mill-bidu tal-istaġun u wara l-logħba, il-manager Manuel Pellegrini appella lill-partitarji ‘biex jafdaw lit-tim u jibqgħu warajh’ minkejja l-aħħar ħarġiet deludenti li jinkludu t-telfa kbira għand Liverpool fl-ewwel jum tal-kampjonat.
West Ham marru fil-vantaġġ fit-33 minuta, meta Nathan Ake waqqa’ lil Chicarito Hernandez fil-kaxxa, u b’Arnautovic ma jiżbaljax mill-ħdax il-metru. Iżda l-logħba daret fit-tieni taqsima, b’Callum Wilson, fis-60 minuta, jiskorja gowl individwali mill-isbaħ waqt li Steve Cook għamilhom 2-1, bir-ras, sitt minuti wara.
Minkejja l-pressjoni ta’ West Ham fl-aħħar ħinijiet il-gowl ta’ Cook kellu jkun deċiżiv u Bournemouth, bir-raġun, qegħdin jiċċelebraw bidu mill-aqwa għall-istaġun wara li ma tilfux punt mill-ewwel żewġ impenji.
//= $special ?>