Lokali

Tweet ta’ Salvini b’immigranti fiż-żona Maltija ta’ salvataġġ toħloq kwistjoni ġdida

Kwistjoni ġdida bejn il-Gvern Taljan u l-Gvern Malti dwar l-immigrazzjoni, hekk kif id-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini kiteb fuq Twitter li hemm ‘dinghy’ bl-immigranti irregolari fiż-żona Maltija ghat-tiftix u s-salvataġġ.

Ritratt meħud mill-ajru juri d-‘dinghy’ mimli b’madwar 70 persuna abbord. Dwar dan, il-politiku lemini Taljan staqsa jekk il-Gvern Malti hux se jkun qed jieħu azzjoni, inkella jekk il-każ hux se jerġa’ jintefa’ f’ħoġor l-Italja.

Matteo Salvini ilu numru ta’ xhur, partikolarment minn meta rebaħ il-Gvern, jippretendi li pajjiżna jieħu lill-immigranti kollha li jkunu għaddew miż-żona Maltija ta’ tfittxija u salvataġġ. Fil-fatt, il-Ħamis li għadda, Salvini ċanfar lill-awtoritajiet Maltin talli skont hu baqgħu ma ntervjenewx meta raw dgħajsa b’171 immigrant irregolari daqstant qrib lejn pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Malti dejjem insista li dawn id-dgħajjes għandhom “id-dritt li jibqgħu għaddejjin mingħajr ma jkunu mwaqfa” sakemm ma jkunx hemm xi sitwazzjoni ta’ emerġenza jew tintalab l-għajnuna.