Internazzjonali

FILMAT: Vuċi ta’ ugwaljanza jintilef bil-mewt tal-kantanta Aretha Franklin

Aretha Franklin mietet il-Ħamis f’eta ta’ 76 sena minħabba kanċer.

NET News tkellem ma’ Noel Mallia, DJ b’għarfien estensiv fuq il-mużika, dwar Aretha Franklin, kantanta famuża għal mużika bi stili R&B, soul, pop u gospel. Hu spjegalna għaliex il-mużika ta’ Aretha Franklin kienet daqshekk importanti fiż-żmien meta nkitbet.

“Il-mużika tagħha kienet espressjoni ta’ ħafna mill-ħsibijiet li l-Afro-Amerikani kellhom dwar il-battalja għall-ugwaljanza fid-drittijiet ċivili”

Aretha Franklin damet ma għamlet suċċess, u ma kellha appoġġ ta’ xejn. Meta imbagħad, fl-aħħar, għamlet suċċess bil-kanzunetta ‘I Never Loved a Man’, hi baqgħet tiela’ fix-xena mużikali. ‘I Never Loved a Man kienet telgħet ma’ tal-ewwel fil-klassifikazzjoni tal-Istati Uniti.

Wara li daħlet fix-xena professjonali permezz ta’ dan l-album fis-sena 1967, hi kompliet tikseb is-suċċessi tagħha fejn anke rebħet 18-il Grammy Award. Is-suċċess tagħha fix-xena mużikali jidher ukoll fil-fatt li kantat f’diversi inawgurazzjonijiet ta’ Presidenti differenti u anke f’avvenimenti importanti oħra bħall-funeral ta’ Martin Luther King.

Il-mużika tagħha kellha rwol importanti ħafna fil-battalja kontra d-diskriminazzjoni razzjali u favur id-drittijiet ċivili tagħhom. Dan għaliex kienet forma ta’ espressjoni mhux biss għaliha iżda għal dawk kollha li kienu qed jiġu diskriminati.

Il-mużika tagħha kienet ukoll waħda mill-ewwel passi favur il-femminiżmu li sal-lum għadna naraw l-effetti ta’ dan il-moviment.