Xeni li qabel konna mdorrijin naraw f’pajjiżi barranin, illum il-ġurnata saru komuni ħafna f’pajjiżna fejn ta’ kuljum insiru nafu b’każijiet ġodda ta’ persuni, kemm Maltin u barranin, li m’għandhomx la saqaf fuq rashom u lanqas x’jieklu ta’ kuljum. Ritratti li waslulna fil-kamra tal-aħbarijiet juru raġel qed jittallab bilqegħda barra supermarket rinomat f’Santa Venera nhar is-Sibt filgħodu. Ritratti li jkomplu jitfgħu dawl fuq is-sitwazzjoni diffiċli ta’ bosta persuni li kulma jmur għalihom il-ħajja qed issir dejjem aktar iebsa.
L-istatistika turi li kulma jmur qed dejjem jiżdiedu n-nies li minħabba l-prezzijiet għolja ferm tal-kirjiet, qed ikollhom iħallu djarhom u jsibu rifuġju f’garaxxijiet, b’uħud minnhom mingħajr lanqas servizzi essenzjali. Għalkemm il-Gvern jipprova jaħbi dan il-fatt, il-faqar f’pajjiżna qed kulma jmur dejjem aktar jiżdied. Dan l-aktar hu attribwit għall-għoli tal-ħajja; żidied fil-prezzijiet tal-affarijiet l-aktar bażiċi u l-prezzijiet għolja tal-fuels.
Nies li tkellmu magħna u li qed jgħixu bi dħul baxx ħafna stqarrew li x-xhur tas-Sajf qed isiru diffiċli b’mod partikolari għal min għandu t-tfal fejn f’dawn il-ġimgħat ikunu fl-aqwa tagħhom il-preparamenti għas-sena skolastika l-ġdida bix-xiri ta’ uniformijiet u bżonnijiet essenzjali. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jappella lil Gvern biex mhux biss jirregola l-għoli tal-ħajja, iżda ukoll jagħti lura dak li hu dovut lil numru kbir ta’ familji Maltin li ħallsu ammonti żejda f’kontijiet għolja tad-dawl. Hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata biex il-faqar f’pajjiżna mhux biss jiġi kkontrollat iżda jinqered għal kollox.
//= $special ?>