Raġel ġie arrestat f’karozza fil-viċinanzi ta’ bank, wara li nstabulu balaklava u arma tan-nar.
Kien għal ħabta tas-6.05 tas-Sibt filgħodu, meta l-Pulizija irċeviet telefonata li kien hemm karozza wieqfa bi tliet persuni fiha – u li din kienet qed tqajjem suspetti.
Minkejja li ma ġietx ikkonfermata minn naħa tal-Pulizija, sorsi li tkellmu ma’ NET News qalu hekk kif il-karozza lemħet lill-Pulizija fil-viċin din ħarbet minfuq il-post. Aktar tard, erba’ karozzi tal-Pulizija mid-dipartiment tal-RIU waqqfu vettura li qablet mad-deskrizzjoni mogħtija fir-rapport.
Il-Pulizija kkonfermaw li hekk kif waqqfu l-vettura suspettuża fi Triq Ħaġar Qim fil-Qrendi, huma sabu raġel u fil-karozza kellu arma tan-nar. Minkejja li ma kienx wiċċu mgħammad, huma sabulu balaklava fil-karozza wkoll. Ir-raġel ġie arrestat u qed jinżamm għall-interrogazzjonijiet.
Dwar iż-żewġ persuni allegatament involuti fl-attentat serqa tal-bank, s’issa ma ħarġet l-ebda informazzjoni.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ.
//= $special ?>