Futbol Sport

Bidu negattiv għal Inter u Roma jirbħu lejn it-tmiem

(Ritratti: EPA)
Rebħiet għal Spal u Empoli wkoll

Inter fetħu l-istaġun tagħhom fuq nota negattiva meta kienu megħluba minn Sassuolo 1-0 fil-Mapei Stadium. Il-gowl li ddeċieda l-logħba wasal fis-27 minuta meta r-referee Maurizio Mariani ġġudika li Joao Miranda waqqa’ lil Federico Di Francesco fil-kaxxa. Mill-11-il metru Domenico Berardi għeleb lil Samir Handanovic.

Roma rnexxielhom jiksbu rebħa lejn it-tmiem biex għelbu lil Torino 1-0 fi Stadio Olimpico ta’ Turin. Il-gowl rebbieħ wasal fit-88 minuta meta minn azzjoni persistenti tas-sostitut Justin Kluivert mil-lemin, il-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ Edin Dzeko li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Salvatore Sirigu.

Bidu tajjeb ukoll għal Spal li għelbu lil Bologna 1-0 f’dak li hu derby bejn dawn iż-żewġ timijiet. Il-gowl deċiżiv wasal fil-71 minuta b’xutt b’saħħtu minn madwar 30 metru ta’ Jasmin Kurtic.

Daqstant ieħor kellhom bidu pożittiv it-tim promoss ta’ Empoli li rebaħ 2-0 kontra Cagliari fi Stadio Carlo Castellani. Rade Krunic fetaħ l-iskor mal-kwarta logħob biex Francesco Caputo rdoppja l-iskor b’xutt fil-baxx fil-51 minuta.

Parma kienu dehru resqin lejn rebħa fir-ritorn tagħhom fis-Serie A, iżda kellhom jikkuntentaw bi draw ta’ 2-2 kontra Udinese fi Stadio Ennio Tardini. L-attakkant Roberto Inglese fetaħ l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima, b’Antonio Barilla jirdoppja l-iskor mas-siegħa logħob. Udinese naqqsu d-distakk fil-65 minuta minn penalty ta’ Rodrigo De Paul, biex Seko Fofana ġab id-draw erba’ minuti wara.

Tags