Ġurnata differenti għat-timijiet ta’ Manchester fil-Premier League. Iċ-champions Manchester City ftit sabu diffikultà biex għelbu lil Huddersfield 6-1 fl-Etihad Stadium filwaqt li Manchester United tilfu barra minn darhom kontra Brighton 3-2.
Sergio Aguero fetaħ l-iskor fil-25 minuta meta qabbeż fuq Ben Hamer wara li rċieva goalkick ta’ Ederson, biex sitt minuti wara Gabriel Jesus irdoppja b’xutt bix-xellug fuq l-ewwel lasta. Sergio Aguero għamilhom 3-0 fil-35 minuta wara li ħa vantaġġ minn nuqqas tal-gowlkiper avversarju u skorja f’lasta vojta.
Jon Gorenc-Stankovic naqqas id-distakk fl-44 minuta meta sab spazju biex għeleb lil Ederson mill-viċin, iżda Manchester City reġgħu kabbru l-vantaġġ fil-bidu tat-tieni taqsima bi free-kick perfett ta’ David Silva.
Sergio Aguero għaqqad it-tripletta kwarta mit-tmiem b’ġest tekniku mill-isbaħ wara kross mix-xellug, biex awto-gowl sfortunat ta’ Terence Kongolo fl-84 minuta għamel l-iskor finali 6-1.
Manchester United naqsu li jirrispondu għar-rebħa ta’ Manchester City. Huma marru minn taħt fil-25 minuta b’Glenn Murray jiżmarka ruħu tajjeb biex għeleb lil De Gea mill-viċin. Brighton irduppjaw żewġ minuti wara b’xutt fil-baxx ta’ Shane Duffy mill-kaxxa.
Romelu Lukaku naqqas id-distakk fil-35 minuta b’daqqa ta’ ras mill-viċin, iżda Brighton daħlu jistrieħu 3-1 minn fuq permezz ta’ penalty skorjat minn Pascal Gross wara fawl fil-kaxxa ta’ Eric Bailly. Fit-tieni taqsima, Manchester United ma rnexxielhomx ikunu perikolużi biżżejjed u kien biss fl-94 minuta li huma skorjaw mnn penalty ta’ Paul Pogba.
F’logħba oħra mill-Premier League Ingliż, Watford għelbu lil Burnley 3-1 barra minn darhom. Andre Gray fetaħ l-iskor għal Watford wara tliet minuti iżda James Tarkowski ġab id-draw b’daqqa ta’ ras tliet minuti wara.
Watford kellu bidu tajjeb fit-tieni taqsima u reġgħu marru minn fuq fit-48 minuta b’gowl mill-qrib ta’ Troy Deeney, biex Will Hughes għamilhom 3-1 tliet minuti wara b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa.
//= $special ?>