Lokali Qorti

Koppja Ukrena l-Qorti wara li tat spettaklu ta’ sess

Il-Maġistrat jillibera lill-koppja... jgħidilha biex darb'oħra meta tagħmel l-att intimu tassigura li l-purtiera tkun imniżżla!

Koppja Ukrena spiċċat tressqet il-Qorti aktar kmieni dalgħodu l-Ħadd wara li xi ruħ tajba rrapportatha lill-Pulizija li kienet qed tagħmel is-sess… bil-purtieri mtella’!

Il-Prosekuzzjoni fissret lill-Qorti li din il-koppja Ukrena – turisti li kienu Malta għall-vaganzi – jirriżulta li kienet qed tagħmel is-sess fil-kamra tagħha tal-lukanda f’San Pawl il-Baħar… iżda x-xena kienet tidher minn barra!

Għalhekk xi ruħ tajba rrapportat lill-Pulizija li allura kellha tidħol fil-każ u tinvestiga… u sabet li fil-fatt il-koppja, nhar il-Ħamis li għadda l-għada ta’ Santa Marija, kienet qed tagħmel att intimu fis-sodda… u dan l-att intimu kien hemm min rah minn barra!

Il-koppja, raġel u mara li għandhom 39 u 33 rispettivament, spiċċat biex tressqet il-Qorti għaliex terzi – mill-gallarija tagħhom – raw dan l-ispettaklu ta’ sess bla ħsieb – u minn fuq irrapportaw lill-Pulizija!

Il-Prosekuzzjoni fil-Qorti qalet li l-koppja kellha titressaq il-Qorti minħabba li l-att intimu ta’ bejnietha sar f’post espost għall-pubbliku kif ukoll għaliex il-koppja kienet fis-sakra!

Il-Maġistrat Joseph Mifsud, f’jum tal-Ħadd, iddeċieda li jwiddeb lill-koppja biex meta tagħmel l-att intimu tagħlaq il-purtieri u hekk ma tagħti l-ebda spettaklu lil ħadd.

Il-koppja kienet liberata mill-akkużi miġjuba fil-konfront tagħha… u l-Maġistrat temm jawguralha li tkompli tgawdi l-vaganzi tagħha f’Malta!